Internazzjonali

Covid-19: Setgħu mietu bejn it-80,000 u l-180,000 ħaddiema tas-saħħa bejn Jannar tal-2020 u Mejju li għadda

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-pandemija tal-Covid-19 affettwat serverament lill-ħaddiema fil-qasam għall-kura tas-saħħa u setgħet ħalliet bejn it-80,000 u l-180,000 vittma f’dan is-settur.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur-Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, qed jinsisti biex il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jingħataw priorità fejn jidħol it-tilqim kontra l-coronavirus. Dan waqt li Ghebreyesus ikkritika ħafna ‘lis-sistemi fejn it-tilqim kontra l-Covid mhux jingħata b’mod xieraq’.

L-imwiet tal-ħaddiema tas-saħħa mill-Covid seħħew bejn Jannar tal-2020 u Mejju ta’ din is-sena u meta hu kkalkulat li hemm mal-135 miljun ħaddiem f’dan is-settur madwar id-dinja.

Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li d-data miġbura minn 119-il pajjiż qed tindika li, bħala medja u fuq bażi globali, hemm tnejn minn kull ħames ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li ngħataw it-tilqima sħiħa kontra l-virus qattiel.

Madankollu, din il-medja ma tagħtix l-istampa ċara dwar id-differenzi kbar li jeżistu bejn ir-reġjuni minn lat ta’ tilqim u fost id-diversi gruppi ekonomiċi madwar id-dinja.

Id-Direttur-Ġenerali tal-WHO tenna li analiżi tas-sitwazzjoni fil-kontinent tal-Afrika żvelat li anqas minn wieħed fost għaxar ħaddiema fil-qasam tas-saħħa ngħataw it-tilqima sħiħa kontra l-Covid-19. Dan irid jipparaguna mas-sitwazzjoni fil-pajjiżi fejn iċ-ċittadini jgawdu livelli ta’ dħul għoli u fejn tmienja minn kull għaxar ħaddiema tas-saħħa ħadu t-tilqima sħiħa.

Aktar qabel, Bruce Aylward, uffiċjal ewlieni mal-WHO, kien wissa dwar il-konsegwenzi f’każ li l-pajjiżi l-foqra tad-dinja ma jingħatawx biżżejjed vaċċini biex jiġġieldu lill-pandemija. Aylward tenna wkoll  li jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx, il-kriżi tal-Covid kapaċi tkompli sa, almenu, l-aħħar tas-sena d-dieħla.