Lokali

Esperjenza qarsa f’pajjiżna… sempliċiment għax kienet btala mat-tfajla tagħha

Jgħajtu "lesbjani" lejhom u jagħtuhom fastidju kull fejn żaru

Xebgħet tħossha mbeżża’ għax hi mara. Imbeżża’ għax hi lesbjana. Imbeżża’ minn irġiel li jġiegħluha tħossha inqas milli hi.

Il-kantanta Internazzjonali Lucy Spraggan esprimiet dan is-sentiment permezz ta’ post fuq Facebook wara btala qasira li kellha f’pajjiżna – vaganza flimkien mal-partner tagħha li spiċċat intemmet ħesrem wara biss jumejn minħabba l-mod kif ġiet diżrispettata għas-sempliċi raġuni li kienet mat-tfajla tagħha. Bil-Ministru Owen Bonnici iwieġeb li jinsab “imnikket” b’dak li seħħ. U jgħidilha “hugs from Malta”.

Lucy Spraggan – li splodiet fix-xena mużikali wara parteċipazzjoni f’X-Factor – kienet ilha tixtieq tiġi Malta għal vaganza wara li ltaqgħet ma’ numru ta’ persuni li qalulha kemm ħadu gost. Dan apparti l-fatt li kienet semgħet li pajjiżna hu meqjus bħala progressiv, b’mod speċjali għall-mod kif il-Maltin iħarsu lejn il-persuni LGBTIQ+.

Kien għalhekk li Spraggan ġiet Malta flimkien mat-tfajla tagħha biex iqattgħu xi jiem f’pajjiżna. Iżda qatt ma basru dak li kienu se jgħaddu minnu.

Lucy waqt il-vaganza tagħha f’Malta

Fl-ewwel ġurnata f’Malta, il-koppja iltaqgħu ma xi nies li bdew jindirizzawhom bil-frażi “lesbjani” biex jipprovaw iwaqqgħuhom għaċ-ċajt. B’riżultat ta’ dan, huma spiċċaw anke kellhom ibiddlu l-lukanda tagħhom.

Wara, huma marru f’ristorant fil-Belt Valletta, bil-waiter li kien qed iservihom qallilhom kliem dispreġjattiv għax sempliċiment huma nisa. Minkejja li l-koppja uriet li mhumiex jieħdu gost, il-kummenti tiegħu ma naqsux sakemm telqu mir-ristorant.

Esperjenza simili ġrat meta ħarġu għal ġelat, fejn iltaqgħu ma individwi li bdew jagħmlu sinjali li jirreferu għalihom bħala lesbjani.

Hi spiċċat tgħid li Malta għoġbitha ferm, iżda l-esperjenza tagħhom kienet ħażina immens.

Spraggan ħadet il-fama wara li kienet ħadet sehem f’The X Factor lura fl-2012 bil-kanzunetta oriġinali tagħha ‘Last Night’.

https://www.facebook.com/photo/?fbid=440464027449653&set=a.276661140496610