Internazzjonali

Franza: Ħlas ta’ darba liċ-ċittadini biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-enerġija

Il-Gvern Franċiż ħabbar li se jagħti pagament ta’ darba – ekwivalenti għal 100 ewro – lil kull ċittadin li d-dħul tiegħu ma jaqbiżx l-2,000 ewro fix-xahar. Dan qed isir biex iċ-ċittadini jlaħħqu mal-isplużjoni attwali fl-ispejjeż tal-fuel u l-enerġija.

L-hekk-imsejjaħ ‘allowance għall-inflazzjoni’ se jingħata awtomatikament lil madwar 38 miljun Franċiż, fosthom dawk li ma jsuqux il-karozzi jew il-muturi.

L-ewwel pagamenti tal-100 ewro se jingħataw lill-ħaddiema fl-oqsma kummerċjali lejn l-aħħar ta’ Diċembru. Il-ħaddiema maċ-ċivil, l-istudenti u l-pensjonanti għandhom jingħataw dan il-pagament fl-ewwel xhur tal-2022.

Il-pagament ta’ 100 ewro mhux taxxabbli u l-Prim Ministru Franċiż Jean Castex qal li dan il-ħlas ta’ darba liċ-ċittadini se jiswa madwar 3.8 biljun ewro lill-Gvern tiegħu, Intant, hu tenna li l-pagamenti inkwistjoni se jiswew ħafna anqas lill-Istat milli kieku kellu jinqata’ id-dazju fuq il-fuel.

L-Ewropa,bħalissa, qed tiffaċċja problemi kbar minħabba l-qabża fil-prezzijiet tal-enerġija fuq livell globali. Is-sitwazzjoni hi riżultat tad-domanda kbira għall-enerġija mill-kumpanji li qegħdin jirkupraw mill-effetti u l-‘paraliżi’ fit-tul dovuti għall-Covid-19.