Lokali

“Għall-PN iż-żgħażagħ jibqgħu prijorità”

“Iż-żgħażagħ qed jgħidulna li hemm bżonn tibdil kbir f’pajjiżna… Is-soluzjoni – Partit Nazzjonalista fil-Gvern… għall-PN iż-żgħażagħ prijorità” – Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għaż-żgħażagħ Karl Gouder, il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Joseph Grech u l-Kandidat Alex Borg. Konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-dawl tar-riżultat xokkanti li ħareġ minn survey tad-ditta internazzjonali EY.

Fl-2013 il-Partit Laburista wiegħed ħolma liż-żgħażagħ u 8 snin wara qed naraw kif 70% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin issa jhossu li l-Gvern itradihom – Il-PN qal li dan huwa inkwetanti ħafna.

Tliet kwarti taż-żgħażagħ qed ihossuhom frustrati jghixu f’pajjizna sitwazzjoni deskritta minn Karl Gouder bħala inkwetanti għall-pajjiż. Hu saħaq li bħala pajjiż għandna ninkoraġġixxu liż-żgħażagħ jistudjaw barra u jahdmu barra minn xtutna iżda għandu jkollna pajjiż li jattirahom jiġu lura wara dik l-esperjenza biex il-kwalitajiet tal-Maltin jintużaw f’pajjiżna.

Karl Gouder fakkar kif jekk iż-żgħażagħ jitilqu minn pajjiżna se jkollna diffikultà biex insostnu l-ekonomija u l-pensjonijiet tagħna fost l-oħrajn. Id-Deputat tal-PN spjega kif it-tfal tagħna jinsabu frustrati li jgħixu u huma biss 26% li jippreferu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna.

Figura oħra inkwetanti ta’ dan is-survey hija li 90% taż-żgħażagħ iħossu li l-ambjent f’pajjizna sejjer lura. L-iktar 4 temi li l-iktar jispikkaw fost dak li jdejjaq iż-żgħażagħ huwa l-iżvilupp bla rażan u bla pjan, l-ambjent, it-traffiku u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Karl Gouder stqarr li minn meta pajjiżna ġie greylisted, prova joħloq narrattiva li ma ġara xejn u mhux jieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà.

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Joseph Grech li fil-passat okkupa wkoll il-kariga ta’ President tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-PN l-MZPN, spjega kif studju li sar mill-NSO madwar ħames snin ilu kien jindika li 79% taż-żgħażagħ ta’ età bejn 15 u 34 sena kienu jgħidu li kuntenti jaħdmu u jgħixu f’Malta u issa, fl-2021 kollox inbidel ta’ taħt fuq. Il-Kandidat tal-PN stqarr li jekk jitilqu dawn iż-żgħażagħ kollha jkollna dak li jissejjaħ ‘brain drain’ fil-pajjiż fejn numru kbir ta’ żgħażagħ ta’ kwalitajiet tajbin, jitilqu jgħixu barra mill-pajjiż u nispiċċaw b’nuqqas ta’ talent fi xtutna għaliex nitilfu l-ħiliet tagħhom għal pajjiżi barranin. Dan is-survey tal-EY juri wkoll kif bejn 55% u 65% taż-żgħażagħ jixtiequ li jkollhom in-negozju tagħhom u Joseph Grech fakkar kif għandna żgħażagħ b’ħolm u b’ambizzjoni li ser itiru mar-riħ jekk pajjiżna jibqa’ f’din is-sitwazzjoni. Joseph Grech qal li jixtieq li jkollna pajjiż fejn nistgħu nikbru u nimirħu flimkien vicċn il-familja tagħna għaliex “dan iwassal ghal ekonomija aktar b’sahhitha.”

Il-Kandidat tal-PN Alex Borg fakkar kif PN fil-Gvern dejjem kien minn ta’ quddiem biex joħloq xogħol ta’ kwalità għaż-żgħażagħ u filfatt għamel dan b’diversi industriji li għadhom magħna sal-lum. Alex Borg spjega numru ta’ proposti li qed joħroġ il-PN biex jindirizza l-problemi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fosthom bosta inċentivi fiskali u opportunitajiet għal futur aħjar li jista’ jkollhom f’pajjiżna stess. Borg saħaq li “Il-PN dejjem kellu liż-żgħażagħ għal qalbu u dan is-survey tal-EY juri kif l-PN huwa l-għażla naturali tagħhom. Inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex huma jkunu l-bidla biex imexxu lill-pajjiż biex niġġieldu l-problemi li qed naffaċjaw bħala poplu”