Għawdex Lokali

Il-GTA tgħid li Għawdex jistħoqqlu jkun konness ma’ Malta b’sistema ta’ metro

Ritratt: NET Media

Il-Gozo Tourism Association uriet it-tħassib tagħha għala l-proposta tal-metro ma kinitx ukoll estiża għall-gżira Għawdxija. Dan wara li l-Gvern qal li l-proġett tal-Metro se jkun fih 25 stazzjoni madwar Malta biss.

Fi stqarrija l-GTA qalet li l-fatt li l-proġett ta’ mina taħtil-baħar bejn Malta u Għawdex għadu fuq l-aġenda tal-Gvern, tistaqsi għaliex din l-infrastruttura mhix qed tkun marbuta ma’ sistema tal-metro bħala proposta għall-gżira Għawdxija.

Matul l-2019, qabel il-pandemija tal-COVID-19, skont l-istatistika tal-NSO, Għawdex ospita 215,272 viżitatur domestiku u 180,978 viżitatur barrani, li qattgħu mill-inqas lejl wieħed jew aktar f’akkomodazzjoni Għawdxija. Matul l-istess sena 1,527,528 turist barrani żar Għawdex għall-ġurnata.

Barra minn hekk, skont l-istatistika tal-NSO, fl-2020, l-għadd ta’ residenti Għawdxin li jaħdmu Malta laħaq it-3,284. Filwaqt li fl-2019, skont l-istess sors, 1,654 student Għawdxi ġew Malta sabiex jieħdu l-edukazzjoni terzjarja tagħhom . L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex tistaqsi jekk in-numri msemmija hawn fuq tqisux meta kien qed isir l-istudju tal-metro.

Il-GTA ttenni għal darb’oħra li jekk Għawdex se jkun konness ma’ Malta b’rabta permanenti, dan għandu jkun parti minn sistema estiża ta’ metro mal-pajjiż kollu.

L-Assoċjazzjoni tappella lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-mina proposta għall-vetturi,
bejn Malta u Għawdex, u minflok tintegraha mas-sistema tal-metro proposta.