Futbol Sport

Il-ħames rebħa konsekuttiva għal-Lions

Chris Cassar

Żejtun C. …………………. 2
Naxxar L. ………………… 3

Żejtun C: C. Cassar, D. Agius, C. Borg, J. Cloth Gonclaves, C. Grech, G. Bugeja, H. Da Silva Barbosa, C. Degabriele, S. Tounkara, D. Xuereb, J. Farrugia.
Naxxar L: O. Borg, A. Azzopardi, G. Martins Leite, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, J. Debono, A. Azzopardi, R. Cassar, J. Ellul, D. Fenech, D. Kassekar.
Referee: Fyodor Zammit

Naxxar Lions kisbu l-ħames rebħa konsekuttiva meta fl-iktar logħba mistennija dawwru r-riżultat fit-tieni taqsima u għelbu lil Żejtun 3-2. Kien konfront bejn l-ewwel tnejn fil-klassifika, żewġ timijiet li kien għadhom mingħajr telfa u Naxxar ħarġu rebbieħa grazzi għal wirja mpekkabbli fit-tieni taqsima wara li fl-ewwel parti kienu ż-Żwieten li urew l-aħjar logħob.

Bidu tajjeb ta’ Żejtun li fl-ewwel minuta laqtu l-lasta b’daqqa ta’ ras ta’ Barbosa u fil-11-il minuta kien Cloth Gonclaves li skorja b’daqqa ta’ ras. Risposta tajba ta’ Naxxar fejn Martins Leite qassam lejn Cerqueira Farias li d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet salvata bi bravura minn Cassar.

Il-logħba kienet veloċi u mill-iktar interessanti u Naxxar resqu qrib fil-35 minuta meta Gianluca Bugeja f’attentat li jikklerja għal ftit m’għamilx awtogowl bil-ballun jaħbat mal-mimduda.
Kif bdiet it-tieni taqsima Naxxar kisbu dro meritat b’azzjoni bejn Cerqueira Farias u Jurgen Debono b’dan ta’ l-aħħar jiskorja mill-viċin. Naxxar issa bdew jilagħbu aħjar u fit-58 minuta dawwru r-riżultat meta Martins Leite daħal bħal sajjetta għal kross ta’ Ellul u spara fix-xibka.

Wara dan il-gowl Naxxar stennew lill-avversarji u għalqu l-logħba sitt minuti mit-tmiem b’gowl mill-isbaħ tas-sostitut Saldanha. Fid-89 minuta Żejtun daħlu mill-ġdidi fil-logħba b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Sgaria Farias.
Fil-ħin miżjud kien Omar Borg li salva r-rebħa b’save brillanti fuq xutt ta’ Barbosa.

Ftit tan-nifs għal Vittoriosa

Vittoriosa ………………… 2
San Gwann ………………. 1

Vittoriosa: R. Marmara, A. Cassar, K. Mercieca, E. Ayorinde Tejumola, D. Borg Castaldi, J. Farrugia, A. Sultana, D. Sowatej, QL Bregman, I. Galea, A. Oularbi
San Gwann: C. Formosa, K. Bartolo, J. Micallef, JP Attard, S. Loshi, N. Radojevic, B. Kuyper Sjaak, A. Zammit, JC Omouranzoje, G. Pace, A. Falzon
Referee: Emanuel Grech

Vittoriosa kisbu t-tieni rebħa tagħhom dan l-istaġun meta għelbu lil San Ġwann bl-iskor ta’ 2-1, f’partita mill-isbaħ u ferm movimentata, b’diversi ċansijiet ta’ skor fuq iż-żewġ naħat.

Kienu propju Vittoriosa li fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti logħob mtea difensur ta’ San Ġwann ipprova jbiegħed il-ballun mill-kaxxa difiża minnhom, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu poġġiet il-ballun f’saqajn Isaac Galea, li b’xutt mill-ewwel sab ir-rokna tax-xibka.

Ir-reazzjoni ta’ San Ġwann kienet waħda immedjata, u huma kisbu l-gowl tad-draw sitt minuti wara, meta f’kontrattakk veloċi, Kuyper Sjaak għadda tajjeb lejn Courage Omouruanzoje Jesusemen, li l-ewwel ra x-xutt tiegħu jiġi parzjalment salvat mill-gowlkiper Marmara, qabel irnexxielu jikkonkludi fix-xibka fit-tieni attentat.

Iż-żewġ naħat ippruvaw jiksbu l-gowl tar-rebħa fit-tieni taqsima u marru viċin diversi drabi. Fit-63 minuta, xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Attard għadda ftit ‘il barra mil-lasti ta’ Vittoriosa. Għaxar minuti wara reġgħu kienu San Ġwann li kienu perikolużi hekk kif freekick b’saħħtu ta’ Andrea Zammit minn barra l-kaxxa ġie mdawwar f’corner mill-gowlkiper Marmara.

Fit-78 minuta, Vittoriosa kisbu l-gowl tar-rebħa grazzi għal azzjoni maħduma tajjeb bejn Ayorinde Tejumola u s-sostitut Ayrton Micallef, b’dan tal-aħħar jirnexxielu jgħaddi l-ballun minn taħt il-gowlkiper Formosa minn distanza qasira.