Lokali Qorti

Il-kamra tal-media tal-Qorti tingħata dehra ġdida

Il-kamra li tintuża mill-ġurnalisti tal-Qorti (ritratt Miguela Xuereb) ingħatat dehra ġdida mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti. L-investiment sewa €6,000 li jinkludi sistema ġdida tal-elettriku, tikħil u tibjid, u kamra tal-banju ġdida. Tpoġġa wkoll monitor fil-kamra biex il-ġurnalisti jkunu jafu liema ġudikanti qegħdin jaħdmu u f’liema awla.

Din l-inizjattiva saret ukoll grazzi għax-xogħol siewi tal-Kap Eżekuttiv Eunice Grech Fiorini, Vanessa Grech li hija Deputat Kap Eżekuttiv u David Mizzi bħala Director Support Services. L-Avukat Grech ikkordinat ix-xogħol mal-ġurnalisti li issa għandhom kamra tal-istampa minn fejn jaħdmu mgħammra b’faċilitajiet aħjar u ambjent aktar akkoljenti.

L-investiment fil-kamra segwa dak li sar f’dik imsejjħa ‘common room’, li tintuża esklussivament mill-membri tal-ġudikatura fejn jissoċjalizaw. Il-pjan huwa li jitwettaq aktar ristrutturar fil-qrati ġewwa l-Belt Valletta bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar tagħha għal sistema aktar effiċjenti.