Lokali

Ippublikat ktieb dwar San Ġużepp fl-okkażjoni tas-Sena Ġużeppina

L-Erbgħa li għadda saret it-tnedija uffiċjali tal-ktieb ‘Sliem għalik Ġużeppi bin David’ miktub mill-Kapuċċin Patri Martin Mamo fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, liema pubblikazzjoni nħarġet fl-okkażjoni tas-Sena Ġużeppina mħabbra minn Papa Franġisku u li qed tiġi ċċelebrata madwar id-dinja Kattolika kollha.

Għat-tnedija kien hemm preżenti l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, fost diversi mistiedna distinti oħra,
fosthom il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca. Id-dħul kollu minn dan il-ktieb ser imur b’risq The Malta Trust Foundation.

Iż-żagħżugħ Samuel Farruġia flimkien ma’ Patri Martin Mamo preżentaw uffiċjalment dan il-ktieb lil Charles J. Scicluna.

Il-ktieb dwar San Ġużepp għandu preżentazzjoni minn Rev. Martin Micallef u huwa maqsum f’24 riflessjoni, flimkien ma’ kapitli bit-talb u innijiet ta’ tifħir. Ir-riflessjonijiet miktuba minn Patri Martin Mamo jimirħu f’suġġetti varji fosthom dawk storiċi, bibbliċi u anki ħsibijiet dwar din is-sena speċjali. Fost il-kitbiet jinstabu ukoll tliet paniġierċi, fosthom tnejn tal-awtur u wieħed tal-Kapuċċin il-poeta Patri Mattew Sultana, taqsima dwar id-devozzjoni tal-qaddisin u ta’ Maltin lejn dan il-qaddis, kif ukoll informazzjoni dwar dehriet ta’ San Ġużepp madwar id-dinja.