Futbol Sport

It-telfa kontra Bodoe/Glimt fost l-agħar disfatti għal Jose Mourinho bħala kowċ

(Ritratt: EPA)

It-telfa li Roma sofrew kontra Bodoe/Glimt ilbieraħ filgħaxija, kienet fost l-agħar disfatti li Jose Mourinho sofra bħala kowċ.

Roma tilfu bl-iskor ta’ 6-1, bil-kowċ Jose Mourinho fi tmiem il-partita kien kwotat jgħid li hu għandu biss tlettax-il player li huma meqjusha bħala tajbin. Fost ir-riżultati diżappuntanti li kellu Jose Mourinho matul il-karriera tiegħu, kien hemm dik fl-2010 meta fl-El Classico kontra Barcelona tilef bl-iskor ta’ 5-0.

F’partita mill-FA Cup, meta kien kowċ ta’ Chelsea, Jose Mourinho kien megħlub minn Bradford bl-iskor ta’ 4-2. Fl-2016, mal-istess Chelsea, il-kowċ Portugiż kien umiljat 4-0 minn Manchester United.

It-telfa ta’ lbieraħ kienet l-ewwel partita fejn Jose Mourinho sofra sitt gowls u din kienet l-1008 partita tiegħu bħala kowċ.