“Proposti bħal dawn nilqugħhom b’mod tajjeb ħafna għax jafettwaw ħafna direttament lill membri tagħna”
Dikjarazzjoni ċara li għamel il-President tal-Union tal-Għalliema Marco Bonnici b’reazzjoni għall-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista għas-settur tal-edukazzjoni ….fosthom li tiżdied il-paga tal-edukaturi.
Huwa tkellem ukoll dwar it-tħassib ta’ diversi ġenituri li t-tfal tagħhom għadhom sal-lum mingħajr għalliema permanenti f’madwar 80 klassi. Fakkar kif ftit tal-jiem ilu l-Gvern tilef il-mandat li fetaħ konta l-Union tal-Għalliema.
Bonnici qal li dan kien Budget li nesa lill-edukaturi u lill-iskejjel – Budget xott ħafna minn inizjattivi ġodda għal dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.
“Dan il-Budget ma nkitibx minn min qed imexxi l-edukazzjoni.. Li inti taqbad tirrepeti minn Budget għall-ieħor l-istess miżuri bħallikieku dawn huma miżuri li bdejthom issa mhux il-każ.“
Marco Bonnici semma kif wara kważi tliet snin għadu ma ġiex implimentat l-istatus professjonali ta’ diversi Learning Support Educators u Kinder Support Educators.
Fid-dawl ta’ dan kollu…il-President tal-MUT qed jitlob li ma jkun hemm ebda media stunt u issir konsultazzjoni vera mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana.
“Il-qofol huwa r-rispett, jekk għandek Ministeru li mhux jirrispetta lill-eduktaturi ma tistax tistenna li jkollok edukaturi li huma kuntenti fuq il-post tax-xogħol u edukaturi li jħarsu ‘l quddiem lejn il-ġurnata tax-xogħol tagħhom u li jkomplu jagħtu servizz“
//= $special ?>