Kultura Lokali

Minflok il-villaġġ tal-Karnival…id-dilettanti se jkollhom trakkijiet u trailers

Konferma li l-Gvern Laburista rema’ għal kollox il-wegħda li kien għamel tmien snin ilu lid-dilettanti tal-Karnival meta wegħdhom villaġġ iddedikat purament lilhom.

Il-konferma ġiet dritt minn ħalq il-Ministru għall-Arti u l-Kultura Jose Herrera waqt konferenza tal-aħbarjiet dwar il-budget. Hu filfatt ħabbar li Festival Malta se tkun qed toħroġ sejħba b’tender għal trailers u trakkijiet għad-dilettanti tal-Karnival għall-erba’ snin li ġejjin.

Din l-istqarrija tindika biċ-ċar li l-wegħda tal-Labour ta tmien snin ilu, ma kienet xejn għajr duħħan.

Il-Manifest tal-Labour tal-2013 kien jgħid hekk: “Insibu post adegwat biex nibnu mħażen għad-dilettanti tal-karnival biex ninkoraġġixxu t-tisħiħ ta’ din it-tradizzjoni artistika”.

Madankollu dak li qal uffiċjalment Herrera issa qed juri li Gvern Laburista, li fi tmien snin ma wettaqx din il-wegħda, mhux beħsiebu jattwaha lanqas fl-erba’ snin li ġejjin.

Wara li ħabbar dan, il-Ministru Herrera mistoqsi dwar din il-wegħda qalilna li din se jindirizzaha fid-diskors tiegħu tal-estimi.

Id-diskors ta’ Herrera waqt din il-konferenza kien miżgħud b’retorika u bi kliem sabiħ, iżda sal-lum, id-dilettanti tal-Karnival għadhom qed jistennew u jittamaw li dak li kien imwiegħed lilhom fl-2013 jiġi mwettaq.