Lokali

Pajjiżna jibqa’ fuq il-lista l-griża tal-FATF

"Għad fadal ħafna ħidma x'issir"

Wara li għaddew erba’ xhur, Malta għadha fuq il-lista l-griża tal-FATF. Dan hekk kif il-Botswana u l-Mauritius tneħħew minn fuq din il-lista minħabba li lestew il-pjan ta’ azzjoni tagħhom.

Il-Botswana kienet ilha f’din il-lista mill-2018 filwaqt li l-Mauritius tpoġet fl-2020.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-FATF Marcus Pleyer, intqal li l-Mauritius ħaet il-miżuri kollha neċessarji biex tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa kontra l-ħasil ta’ flus u tipproċedi fejn ikun hemm bżonn.

Għalkemm jidher li pajiżna għamel ftit progress fil-pjan ta’ azzjoni sabiex joħroġ minn din il-lista l-griża, intqal li għad fadal ħafna ħidma x’issir.

Marcus Pleyer wissa li għad fadal aktar xogħol peress li l-ebda wieħed mill-punti fuq il-pjan ta’ azzjoni ta’ Malta għadu ma ġie indirizzat minn mindu pajjiżna tpoġġa fuq din il-lista.

Fid-diskors tiegħu dwar il-budget il-Prim Ministru Robert Abela ma qal xejn konkret dwar x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern Laburista biex pajjiżna joħroġ kemm jista’ jkun malajr minn fuq din il-lista. Din il-grey listing qed tħalli impattt fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta hekk kif diversi kumpanijin qed iżommu pass lura milli jiġu jinvestu f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed iwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minnu jaħdem biex Malta toħroġ mill-greylist tal-FATF fi żmien 90 jum.