Internazzjonali

Stati Uniti: ‘Lesta tiddefendi’ lit-Tajwan f’każ ta’ attakk miċ-Ċina

 

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li pajjiżu hu lest biex jiddefendi lit-Tajwan f’każ li din il-gżira Stat tispiċċa attakkata mill-militar taċ-Ċina. Sadanittant, kelliema għall-White House f’Washington qalu li r-rimarki ta’ Biden ma jirrappreżentawx bidla drastika fil-politika barranija ta’ Washington.

Għalkemm l-Istati Uniti għandha liġi li tesiġi l-għajnuna lit-Tajwan minn aspett ta’ difiża, Washington qed jagħżel politika ta’ ‘ambigwità strateġika’ fejn qed jibqa’ vag dwar ‘x’jista’ jagħmel verament’ f’sitwazzjoni fejn iċ-Ċina kellha tattakka tassew lit-Tajwan. Intant, iċ-Ċina baqgħet ma weġbitx għall-aħħar kummenti ta’ Joe Biden.

Din il-ġimgħa ħarġu rapporti li ċ-Ċina ppruvat missila ġdida ta’ tip hypersonic u, wara li sostna li ‘lest biex jipproteġi lit-Tajwan’, il-President Biden, waqt avveniment pubbliku, qal li ‘mhemmx għalfejn wieħed jinkwieta dwar l-iżvilupp militari taċ-Ċina għaliex Beijing, ir-Russja u l-bqija tad-dinja jafu li l-Istati Uniti għandha l-aktar militar b’saħħtu fl-istorja tad-dinja’.

Fl-istess ħin, Biden irrepeta li l-Istati Uniti ‘għandha impenn biex tiddefendi lit-Tajwan mill-aggressjoni taċ-Ċina’.

Madankollu, is-sorsi qrib il-White House, wara, dehru li riedu jimminimizzaw l-impatt tal-kummenti tal-President u, waqt kuntatti mal-entitajiet tal-media, qalu li ‘il-Gvern (Amerikan) mhu qed iħabbar l-ebda bidla fil-politika tiegħu’.