Lokali Qorti

Żagħżugħa Ingliża tinżamm arrestata fuq frodi għad-dannu ta’ kumpanija tal-Gaming u serq

Ingliża ta’ 18-il sena inżammet arrestata wara li ġie mixlija li ffrodat kumpanija tal-Gaming u li serqet ħwejjeġ minn tliet ħwienet tad-ditta f’Tignè Piont Tas-Sliema. Il-frodi jaqbeż l-€10,000 għad-dannu ta’ kumpanija li kienet taħdem magħha. L-allgezzjoni hija li parti minn  rebħ ta’ ġugaturi kienu jispiċċaw fil-kont ta’ Heide Jennifer Payne.

It-tfajla minn Maidstone u li toqgħod ir-Rabat wieġbet mhux ħatja li wettqet dawn ir-reati bejn is-17 ta’ Novembru tal-2020 u Marzu ta’ din is-sena. Wara li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja tagħham Payne spiċċat tibki f’ħoġor ommha li kienet preżenti meta tressqet il-Qorti. Hija ġiet mixlija mill-Ispettur Roderick Attard li serqet ħwejjeġ u ffrodat lil min iħaddimha.

Kienet il-Pulizija tad-distrett tal-Ħamrun li nvestigat l-ewwel filmati ta’ kameras tas-sigurtà meħuda f’kumpless tax-xiri f’Tas-Sliema. Mill-filmati, il-pulizija identifikaw lit-tfajla li, f’jiem differenti, dehret tisraq ħwejjeġ minn tliet ħwienet fi ħdan il-kumpless.

Meta mistoqsija mill-Qorti kemm ilha Malta, Payne qalet li ilha sentejn u ħadmet ma’ diversi kumpaniji u li fil-preżent qed taħdem ma’ kumpanija lokali tal- Crypto-currency. L-Avukat Francois Dalli li flimkien ma’ l-Avukat Celine Dalli deher għat-tfajla għamel talba għall-pleġġ li sabet oppożizzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni.

Dalli qal li l-klijenta tiegħu għandha rabtiet ma’ Malta u li ma hemm l-ebda riskju ta’ kontaminazzjoni tal-provi minn naħa tagħha. Qal ukoll li missierha huwa Malti u ommha toqgħod ir-Rabat u għalhekk m’għandux ikun hemm problemi.

Tenna li jekk tingħata kundizzjoni anke iebsa mill-Qorti se tobdihom għax taf x’ikunu l-konsegwenzi. L-Ispettur Attard ma qabilx u qal li xorta hemm il-biża in intraċċ tal-provi għax għad baqa’ xhieda pajżana, bid-difiża tgħid li l-filmati ta’ CCTV’s huma preservati u li l-Qorti tista’ tordna biex l-akkużata ma tmurx f’postijiet bħal tas-Sliema minn fejn saru l-allegati reati, filwaqt li l-persuni ta’ sigurtà u dawk li rrappurtawha diġa tkellmu mal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni qalet li hemm persuni mportanti pajżana li jridu jixhdu.

Il-Qorti wara li nfurmat lil Payne li kienu qegħdin jiġu ffriżati l-assi kollha tagħha, qalet li f’dan l-istadju ma tistax tagħti l-libertà proviżorja, iżda qalet ukoll lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ x-xhieda pajżana malajr kemm jisgta’ jkun. Hija rrakkomandat ukoll bit it-tfajla titpoġġa f’sezzjoni tal-ħabs li hija suffiċjenti għal din l-età u talbet ukoll lill-Ispettur Attard biex jgħaddi dan il-messaġġ lid-diriġenti tal-ħabs filwaqt li l-istess Qorti bagħtet komunika lid-Direttur tal-ħabs rigward dan il-fatt. “Jekk jista’ jkun hija għandha titpoġġa f’istituzzjoni li tieħu ħsieb delinkwenti żgħażagħ.  L-Avukat Deborah Baldacchino deheret bħala parte civile fil-każ.