Futbol Sport

Chelsea jżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika b’rebħa kbira fuq Norwich City

(Ritratt: EPA)

Mason Mount skorja hat-trick għal Chelsea li fl-ewwel logħba tal-programm umiljaw lil Norwich City fi Stamford Bridge bl-iskor kbir ta’ 7-0. Ir-riżultat ifisser li l-Canaries – li fl-istaġun li għadda kienu promossi minn The Championship – għadhom ankrati f’qigħ il-Premier League b’żewġ punti biss minn disa’ logħbiet. Sadanittant, b’din ir-rebħa, Chelsea għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq iċ-Champions Ingliżi Manchester City li tard ilbieraħ irnexxielhom jissuperaw lil Brighton & Hove Albion fl-Amex Stadium. Intant, il-Blues kienu 2-0 minn fuq fl-ewwel 18-minuta permezz ta’ MOUNT u Callum HUDSON-ODOI (18) li skurjaw l-ewwel gowls tagħhom tal-istaġun. Qabel il-mistrieħ, Mount ipprovda assist lil Reece JAMES biex jagħmilhom tlieta u fit-tieni taqsima,Ben CHILWELL (57) skorja r-raba’ gowl biex prattikament għalaq kull diskors – b’Norwich ma jkollhom l-ebda risposta. L-affarijiet komplew jiġu ħażin għall-Canaries, bid-difensur Max Aarons jikkommetti awtogol klassiku (62) u tliet minuti wara, Ben Gibson tkeċċa għal Norwich wara li rċieva t-tieni karta safra. Fl-aħħar ħinijiet, Mount, li kien il-plejer indiskutibbli tal-logħba, għaqqad il-hat-trick b’żewġ gowls oħra – bl-ewwel wieħed (85) jasal minn penalty wara re-take u bl-istess plejer jirċievi mingħand Loftus-Cheek biex jaċċerta minn gowl numru seba’ fil-ħin miżjud.

Manchester City qabżu waħedhom fit-tieni post tal-Premier League b’rebħa impressjonanti ta’ 4-1 barra minn darhom għall-ispejjeż ta’ Brighton. L-attakkant ta’ City Phil Foden mill-ġdid wera t-talenti kbar tiegħu b’żewġ gowls oħra personali u meta t-tim ta’ Pep Guardiola daħal jistrieħ b’vantaġġ ta’ 3-0 (bil-gowls jaslu f’nofs-siegħa biss) wara waħda mill-aqwa wirjiet tal-istaġun. L-ewwel gowl seħħ minn żball tal-gowlkiper Sanchez li tilef il-ballun lil Bernardo Silva li sab lil Ilkay GUNDOGAN (13) – bil-midfielder Tork ma jiżbaljax mill-viċin.Imbagħad wasal il-perjodu maġiku għal FODEN (28) li rdoppja fuq kontra-attakk u bl-istess plejer jagħmilhom tlieta, żewġ minuti wara, meta kompla għal ġewwa it-tentattiv ta’ Gabriel Jesus. Brighton tjiebu xi ftit wara l-mistrieħ iżda ma kien hemm l-ebda dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti minkejja li Alexis MACALLISTER (81) naqqas id-distakk minn penalty wara li Mwepu kien twaqqa fil-kaxxa. Kienu fil-fatt City li siġillaw ir-rebħa meta Riyad MAHREZ għeleb lil Sanchez għar-raba’ darba fil-95 minuta tal-konfront.

Crystal Palace u Newcastle United kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed minn konfront missielet f’Selhurst Park, b’dan ikun l-ewwel riżultat utli għall-Geordies mindu Steve Bruce spiċċa minn manager ftit tal-jiem ilu.
Newcastle, li għalissa qed imexxihom Graeme Jones ( l-eks assistent ta’ Bruce), lagħbu fuq id-difiża għal ħafna ħinijiet, bi Christian BENTEKE (56) jiftaħ l-iskor meritatament wara perjodu twil ta’ pressjoni. Madankollu, Newcastle salvaw punt grazzi għar-rovexxjata stupenda ta’ Callum WILSON (65) li ma tat l-ebda ċans lill-gowlkiper Guaita.
Intant, Beneteke baqa’ ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa tul il-logħba u jista’ iħossu sfortunat li ma skurjax il-gowl deċiżiv wara li laqat il-lasta darbtejn – wieħed f’kull taqsima.

Watford ħolqu s-sorpriża tal-programm b’rebħa ta’ 5-2 fuq Everton f’Goodison Park, biex taw it-tieni telfa konsekuttiva lit-Toffees quddiem il-pubbliku tagħhom. Il-mertu tar-rebħa (li hi l-ewwel waħda għall-Hornets taħt il-manager Claudio Ranieri) imur lil Joshua KING li skorja hat-trick, b’Watford idawwru r-riżultat kompletament wara li Ton DAVIES kien ta vantaġġ lil Everton wara biss tliet minuti. Kien fil-fatt King li għamilhom 1-1 fit-13-il minuta, b’Everton jerġgġu jmorru fil-vantaġġ minn RICHARLISON (63) fit-tieni taqsima u bil-Hornets iwieġbu b’valanga ta’ gowls fl-aħħar minuti minn KUCKA (78), King (80 u 86) u Emmanuel DENNIS (91) Din ir-rebħa hi jerġa’ akar inkredibbli meta wieħed iqis li Watford, qabel, ma kienu rebħu qatt konfront f’Goodison Park, fi kwalunkwe kompetizzjoni.

Leeds United salvaw dro ‘in extremis’ kontra Wolves f’Elland Road, grazzi għal penalty skurjat minn RODRIGO fl-94 minuta u meta kollox, sa dak il-ħin, kien qed jidher mitluf għat-tim ta’ Marcelo Bielsa.

Wolves kienu marru fil-vantaġġ kmieni fil-logħba minn HWANG HEE-CHAN (10) li sab ix-xibka mill-viċin, b’Leeds itellgħu sensiela ta’ attakki mingħajr ma jkunu daqstant perikolużi u sakemm, fit-tieni taqsima, daħal jilgħab is-sostitut Joe Gelhardt (eks Wigan)li ta ħajja ġdida lill-Yorkshiremen. Fil-fatt, il-gowlkiper ta’ Wolves, Jose Sa kellu jwettaq save brillanti fuq l-ewwel tentattiv ta’ Gelhardt fuq il-lasta u fl-aħħar ħinijiet, l-istess attakkant ta’ Leeds twaqqa’ fil-kaxxa minn Semedo wara azzjoni personali u għal penalty ċar – b’Rodrigo ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru.

PREMIER LEAGUE
Illum: Chelsea v Norwich 7-0, C’Palace v Newcastle 1-1, Leeds v Wolves 2-5, Everton v Watford 1-1, Southampton v Burnley 2-2, Brighton v Man City 1-4 Għada: West Ham v Tottenham 3.00pm, Brentford v Leicester 3.00pm, Man Utd v Liverpool 5.30pm