Lokali Qorti

“Għandu jsir aktar u aħjar għall-Qorti ta’ Għawdex” – Avukati Għawdex

“Issa ilna snin nisimgħu li se jkollna binja ġdida tal-Qorti madanakollu għadna ma rajna xejn konkret u ta’ żvilupp.”

Sostniet dan il-Kamra tal-Avukati Għawdex fejn is-Sibt filgħodu organizzaw konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti t’Għawdex fejn l-avukati rappreżentanti ta’ din il-kamra insistew dwar l-importanza li mill-wegħdiet l-affarijiet jimxu għal fatti.

Net News tkellem mal-Viċi President ta’ Avukati Għawdex, Joshua Grech,  li insista li l-binja preżenti lanqas biss tħares bi sħiħ il-miżuri ta’ sigurtà, b’dawn in-nuqqasijiet jiġu identifikati wkoll saħansitra mill-Kummissjoni għall-Persuni b’diżabilita u mill-Awtorità tas-Saħħa.

Ġie appellat ukoll għal ħtieġa li l-liġi li daħlet fl-2018, jiġifieri li Għawdex ikollu Imħallef dedikat kompletament għalieh, tidħol fis-seħħ – madanakollu s’issa wara 3 snin l-Għawdxin għadhom mingħajru…

Preżentament l-avukati Għawdxin fil-Qorti tal-Maġistrati fiċ-Ċitadella jinsabu għaddejjin bi strajk bħala protesta kontra d-diżorganizzazzjoni fil-Qorti t’Għawdex. Huma saħqu li ċertu nuqqasijiet għandhom bżonn jiġu indirizzati fejn minkejja li ilhom għaddejjin b’dan l-istrajk sa minn Settembru, b’diversi laqgħat ankè mal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis….l-affarijiet s’issa għadhom ma ċċaqilqux bil-problemi kienu u għadhom jeżistu.  

L-avukati saħqu li dan l-istrajk mhux qed isir b’disrispett lejn il-ġudikanti madanakollu għaliex jemmnu f’sistema sostantiva, proċedurali u amministrattiva.

Il-Kamra tal-Avukati Għawdex saħqet li filwaqt li l-ħaddiema preżenti fi ħdan il-Qorti t’Għawdex għaddejjin b’ħidma aktar milli mitluba minnhom, hemm bżonn il-ħtieġa ta’ aktar impjegati. L-Avukat Grech sostna li jeħtieġ li biex il-Qorti ta’ Għawdex taħdem b’effiċjenti hemm bżonn almenu tliet marixxalli u erbatax-l impjegat mistħarreġ. 

Huma saħqu li jittamaw li dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati mill-aktar fis sabiex is-sitwazzjoni tiġi għan-normal fl-aqsar żmien possibli.