Futbol Sport

Jispikka l-konfront bejn Hibernians u Valletta

Fi tmiem il-ġimgħa jirritorna l-Kampjonat Premier fejn fost l-oħrajn hemm numru ta’ partiti interessanti. Fost l-aktar partiti li jispikkaw hemm il-konfront bejn Hibernians u Valletta.

Hibernians kellhom bidu mill-aqwa għall-istaġun u jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika. Minn naħa l-oħra, Valletta jinsabu fil-ħames post b’disa’ punti u se jkunu qed ifittxu rebħa biex jersqu aktar viċin it-timijiet fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

Ic-champions Ħamrun Spartans se jkunu qed jilagħbu f’partita delikata kontra Gudja United hekk kif it-tim ta’ Ħamrun jidher li għadu ma sabx il-forma tal-istaġun li għadda wara t-telfa diżappuntanti li sofrew il-ġimgħa li għaddiet kontra Gżira United. Gudja minn naħa l-oħra huwa tim żagħżugħ fejn minkejja l-bidliet li wettqu matul is-suq tat-trasferimenti kellhom bidu pożittiv għall-kampjonat.

Birkirkara se jkunu qed jilagħbu kontra Sirens bit-tim imexxi minn Andre Paus jidher li se jkun fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat dan l-istaġun hekk kif minn 6 partiti għandu 14-il punt. Sirens minn naħa l-oħra wkoll kellhom bidu tajjeb dan l-istaġun hekk kif għandhom 8 punti.

Gżira United se jkunu qed jaffaċjaw lil Balzan, bit-tim ta’ Balzan fl-aħħar jiem wettaq bidla fit-tmexxija tal-klabb hekk kif Mark Miller m’għadux aktar kowċ tat-tim. Gżira kellhom bidu tajjeb għall-kampjonat fejn fost l-oħrajn kellhom rebħiet fuq Ħamrun u Valletta. Balzan minn naħa l-oħra minn sitt partiti kisbu sitt punti.

Konfront ieħor interessanti se jkun dak bejn Mosta u Floriana hekk kif Mosta jinsabu fil-11-il post tal-klassifika b’ħames punti filwaqt li Floriana jinsabu fit-tielet post b’disa’ punti fejn minkejja t-tibdil fl-iskwadra jidher li t-tim ta’ Floriana qiegħed jingħaqad aktar ma’ kull partita li tgħaddi. Intant l-MFA ħabbret li t-tim ta’ Floriana weħlu multa ta’ €3,000 u sentenza sospiża ta’ tnaqqis ta’ tliet punti wara li nstabu ħatja li l-partitarji tagħhom għaddew kummenti razzisti fil-konfront tal-goalkeeper ta’ Santa Lucia.

Sliema Wanderers se jkunu qed iftixxu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta jilagħbu kontra Santa Lucia. Għal Sliema dan kien staġun diffiċli hekk kif jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika bi tliet punti biss filwaqt li Santa Lucia wkoll kellhom bidu diffiċli hekk kif għandhom ħames punti minn sitt partiti.

KAMPJONAT PREMIER

Illum: Tony Bezzina Stadium: Gudja U. v Ħamrun S. 3.00pm, Mosta v Floriana 7.00pm Centenary Stadium: Gżira U. v Balzan 8.00pm Għada: Centenary Stadium: Santa Lucia v Sliema W. 3.00pm, Sirens v Birkirkara 7.00pm Tony Bezzina Stadium: Hibernians v Valletta 5.00pm