Lokali

Il-Kamra tal-SMEs tfaħħar il-proposti tal-PN

Il-Kamra tal-SMEs faħħret id-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fir-replika tiegħu għall-Budget. Il-President tal-Kamra, Paul Abela, iddeskriva dan id-diskors bħala wieħed konkret u li ppropona affarijiet tanġibbli.

Paul Abela rrefera għal numru ta’ proposti li semma’ Bernard Grech, fosthom il-proposta li t-taxxa tonqos minn 35% għal 25% fuq id-dħul sa massimu ta’ €80,000, kif ukoll dwar il-VAT.

Abela fakkar li kienu l-korpi kostitwiti li meta l-Gvern ried jagħti ħlas lil min jitkeċċa matul il-pandemija, insistew li minflok jingħataw il-wage supplements. Matul il-programm NET Live, il-President tal-Kamra tal-SMEs tkellem ukoll dwar il-greylisting ta’ pajjiżna. Hu spjega kif il-greylisting qed jeffettwa l-investiment barrani  f’Malta. L-inċertezza dwar meta se tfaqqa’ elezzjoni hi kwistjoni li qed tħasseb ukoll lin-negozji żgħar u medji.

Il-Kamra tal-SMES hi waħda minn għadd ta’ korpi kostitwiti li qed jinsistu mal-Gvern għall-kjarezza dwar id-data tal-elezzjoni biex in-negozju Malti ma jbatix konsegwenzi negattivi bla bżonn.