Lokali Sport

Maratona ta’ 24 siegħa b’risq l-Ispecial Olympics

Bħalissa għaddejja t-tieni edizzjoni tal-Maratona tal-Waterpolo. 24 siegħa Maratona, mis-Sibt sal-Ħadd fil-pitch tan-Neptunes b’risq l-Ispecial Olympics ta’ pajjiżna.

L-idea għal din il-maratona, li sfortunamtament ma setghetx issir fl-aħħar snin minħabba l-pandemija, bdiet minn Timmy Camilleri, eks player tal-waterpolo li fl-aħħar jiem kien mistieden ukoll fuq il-programm Net AM fuq Net Television. Flimkien ma’ Timmy, għal sena oħra, Mariella Erdogan qed tieħu ħsieb din l-organizzazjoni ta’ din il-maratona.

Fl-aħħar snin il-kontinġent Malti fi Special Olympics kiseb suċċess għal pajjiżna fejn intrebħu diversi midalji f’diversi dixxiplini differenti. Filfat din il-maratona hi speċifikament immirata biex jinġabru fondi għal dawn l-atleti.

Bejn nofsinhar tas-Sibt u nofsinhar tal-Ħadd, waqt din il-maratona, il-pubbliku mhux biss jista’ jsegwi jew jipparteċipa fil-logħba tal-waterpolo imma jista’ wkoll igawdi minn attivitajiet oħrajn li se jkunu għaddejin b’mod kontinwu.

Kumpaniji u organizzazjonijiet huma imħeġġa jipparteċipaw fejn jistgħu jiffurmaw team biex jieħdu sehem bih f’logħob tal-waterpolo fejn preżenti wkoll se jkun hemm uħud mill-aqwa players u eks players fix-xena lokali.

Attendew il-ftuħ ta’ din il-maratona, il-Viċi Kap tal-PN David Agius u d-Deputat Karl Gourder.