Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi fiż-Żurrieq

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Korp tal-Pulizija

Sewwieq ta’ mutur weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fiż-Żurrieq. L-Inċident seħħ il-Ġimgħa filgħaxija fi Triq Valletta għall-ħabta tat-8.30p.m meta seħħet ħabta bejn karozza tat-tip Opel Astra misjuqa minn raġel ta’ 27 sena u mutur tat-tip Yamaha misjuq mill-vittma – raġel ta’ 24 sena residenti Ħal Għaxaq.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku b’ambulanza li ta l-ewwel għajnuna lis-sewwieq tal-mutur. Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha.