Lokali

Beltin jispiċċaw f’nofs battibekk bejn tal-PL

Is-Sindku Laburista Alfred Zammit ma tantx qagħad jgħomod kliemu – il-proposta tal-kollega tiegħu tal-One…Jason Micallef dwar il-karozzi fil-Belt, m’għoġbitux.

Micallef, li minbarra li huwa ċ-Chairman Eżekuttiv tal-media Laburista, huwa wkoll iċ-Chairman tal-Valletta Cultural Agency… ftit tal-ġimgħat ilu ppreżenta dik li hi s-suppost viżjoni tal-Gvern għall-kapitali ta’ pajjiżna… li tinkludi li fil-Belt ikunu jistgħu jidħlu biss vetturi elettriċi. Dan jinkludi vetturi tar-residenti Beltin.

Iżda s-Sindku Laburista qed jargumenta li diġà kienu ħafna r-residenti li kellmuh għaliex jinsabu mħassba għal din il-proposta li tidher li saret mingħajr ħsieb u mingħajr ma tat każ tal-Beltin.

F’reazzjoni li ta ftit wara li Micallef għamel il-proposta tiegħu pubblika… Zammit qal li ma tistax tqum filgħodu u tipproponi li sal-2030 jidħlu fil-Belt karozzi elettriċi biss … u li dwar dan għandhom jiddeċiedu r-residenti.

Minkejja li ż-żewġ esponenti Laburisti ilhom is-snin jaħdmu koxxa ma’ koxxa fil-media tal-Partit… jidher li hemm diżgwid mhux ħażin bejniethom…. b’wieħed ma jridx iċedi għall-pressjoni tal-ieħor…. li jrid jidher sabiħ mar-residenti.

F’kummenti li ta lill-Malta Independent fejn kritika l-proposta ta’ sieħbu, Zammit iddeskriva bħala insufiċċjenti l-fondi li qed jingħataw lill-Kunsilli Lokali… u qal li għal ħafna żmien il-Gvern ikkonsidra l-Kunsilli bħala kordinaturi tal-ġbir tal-iskart biss.

Tags