Hu importanti li l-Gvern jitkellem b’mod ċar u trasparenti dwar il-futur tal-linja nazzjonali u x’hemm bżonn isir biex jitneħħa kull element partiġjan u nniedu pjan ta’ salvazzjoni għall-istess Air Malta – Mario de Marco.
Ministri, Segretarji Parlamentari, Membri Parlamentari Laburisti u kandidati Laburisti ma huma jagħtu l-ebda serħan il-moħħ lill-ħaddiema tal-Air Malta u lill-familji tagħhom dwar il-futur tal-kumpanija u x’se jkun qiegħed isir minnha fix-xhur li ġejjin.
Anzi l-istess Ministri, Segretarji Parlamentari, Membri Parlamentari Laburisti u kandidati Laburisti qed jaħslu idhom u jitfgħu l-kwistjoni fuq Clyde Caruana, il-Ministru tal-Finanzi, li jinkludi wkoll ir-responsabbiltà dwar l-Air Malta. Min-naħa tiegħu Clyde Caruana mhux jiddejjaq ikun kategoriku u mhu jagħti l-ebda assigurazzjoni ta’ serħan il-moħħ dwar il-futur tal-Air Malta u anqas dwar jekk hux se jkun hemm telfien ta’ aktar impjieg minn mal-kumpanija.
Anki meta dan l-aħħar kien iffaċċjat mill-ġurnalisti dwar it-tema tal-Air Malta, l-istess Clyde Caruana qal biss li hu lesti jagħti assigurazzjoni biex li qed jagħmel ħiltu kollha biex tinstab l-għajnuna kollha meħtieġa għall-Air Malta biex din tkun salvata. Is-sitwazzjoni tal-Air Malta hi waħda gravi ħafna bil-ħaddiema tal-kumpanija jafu li għandhom quddiemhom futur imwiegħer għall-aħħar sforz ta’ deċiżjonijiet żbaljati li l-istess Gvern Laburista ħa matul dawn iż-żewġ leġiżlaturi u li issa wasslu mhux biss biex ikunu tassew ipperikolati l-impjiegi ta’ ħaddiema tal-kumpanija, iżda li l-istess kumpanija jkollha tkun dikjarata falluta.
Sorsi infurmati qalu lil Il-Mument li n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea dwar għajnuna finanzjarja lill-Air Malta jidher li mexjin b’pass kajman ħafna, bl-istess Ministru Clyde Caruana jkompli jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala “waħda ta’ uġigħ ta’ ras kbira”.
Reċentement il-Ministru Clyde Caruana kien kwotat jgħid li l-Air Malta mistennija tirreġistra telf ta’ madwar €25 u €30 miljun matul din is-sena. Nifhmu li fid-diskussjonijiet bejn il-Gvern Laburista u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna li teħtieġ l-Air Malta f’sussidji, mhix tkun involuta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Agħar minn hekk jidher li fil-verità l-Gvern qiegħed ifendi għal rasu u anqas biss mhu jinvolvi lill-partijiet konċernati mill-kumpanija. F’dan ir-rigward sorsi avviċinati minn Il-Mument qalulna li l-Ministru Clyde Caruana jidher li “qed jgħaffeġ waħdu u bla kosultazzjoni ma’ ħadd.”
Mitlub jikkummenta dwar dan ix-xenarju kollu, Mario de Marco, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, qal li: “Naf li s-sena d-dieħla se tkun is-sena tal-verità għall-Air Malta. Għandna r-responsabbiltà lkoll li nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvaw il-linja nazzjonali tagħna. “Dan għandna nagħmluh kemm għall-ħaddiema tagħha u kemm għall-piloti tagħha li 69 minnhom kienu mkeċċija bl-aktar mod abbużiv. Dan l-impenn għandna nagħmluh b’rispett u b’responsabbiltà lejn l-industrija tat-turiżmu li tant tiddependi fuq din il-linja għas-suċċess tagħha u għat-tkabbir tagħha.
“Ilna wisq nisimgħu dwar pjanijiet mingħajr ma jkunu żvelati x’inhuma dawn il-pjanijiet. Hu importanti li l-Gvern jitkellem b’mod ċar u trasparenti dwar il-futur tal-linja nazzjonali Air Malta u x’hemm bżonn li jsir biex jitneħħa kull element partiġjan u nniedu pjan ta’ salvazzjoni għall-istess Air Malta.”
Mario de Marco fisser li l-Kummissjoni Ewropea kienet qed tappella lill-Gvern Laburista biex jissottometti talba bi proposta għal sussidju iżgħar għall-Air Malta. “Hemm rapporti li qed jgħidu li t-talba li tista’ tkun aċċettabbli għall-Kummissjoni Ewropea hi ta’ €190 miljun.” Ta’ min ifakkar li f’April li għadda l-Gvern ippreżenta pjan għall-finanzjament tal-Air Malta għall-perjodu ta’ ħames snin, għalkemm jirriżulta li l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat il-pjan ta’ Malta biex l-Air Malta tingħata għajnuna ta’ €290 miljun.
//= $special ?>