Futbol Sport

Erba’ gowls u żewġ karti ħomor f’derby akkanit

Chris Cassar

ST. ANDREWS …………. 2
SWIEQI U. ……………… 2

St.Andrews: M. Montfort, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, S. Martinez, K. Sano, J. Farrugia, D. Camilleri, M. Bartolo, Z. Muscat, A. Borg Olivier, L. De Melo Lima.
Swieqi U: J.C. Debattista, N. Gauci, J. Magri Overend, K. Sultana, J. Willy, J. Castano, A. Schembri Wismayer, M. Vella, S. Elfarsi, F. Temile, J. Azzopardi.
Referee: Ezekiel Barbara

Swieqi u St. Andrew’s kisbu punt kull wieħed fi draw mill-isbaħ ta’ 2-2, l-iktar riżultat ġust f’logħba mimlija azzjonijiet u emozzjonijiet.

Swieqi bdew aħjar u wara sitt minuti kien hemm daqqa ta’ ras ta’ Castano bil-goalkeeper Montfort isalva megħjun mil-wieqfa. Ħames minuti wara Swieqi fetħu l-iskor meta Willy qassam lejn Castano li għeleb in-nasba tal-offside u għeleb lil Montfort. Minuta wara risposta tas-Saints u xutt ta’ Sano jaħbat mal-lasta. St. Andrew’s komplew jattakkaw iżda Swieqi resqu qrib bi kross shot perikoluż li kien salvat b’diffikulta minn Montfort.

Fit-32 minuta kien Debattista li salva lil Swieqi b’save brillanti fuq xutt bomba ta’ Dale Camilleri u irrepeta fuq ir-rebound ta’ Sano. Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima freekick ta’ Schembri Wismayer bil-ballun jgħaddi ftit barra. Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima xutt ta’ Martinez ħabat ma’ id Josuael Azzopardi, bir-referee jordna l-penalty u juri t-tieni karta safra lil Azzopardi. Mill-11-il metru l-captain Joseph Farrugia ma żbaljax. Ironikament b’għaxar plejers Swieqi bdew jilagħbu aħjar anki jekk ħelsuha ħafif fis-77 minuta meta xutt ta’ Jamie Sixsmith ħabat ma’ sieq il-lasta.

Fid-79 minuta St. Andrew’s dawwru r-riżultat meta Kei Sano b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa ħalla lill-goalkeeper avversarju jħares. Minuti mit-tmiem anki St.Andrew’s kellhom plejer imkeċċi u kien Taliana li kiseb draw drammatiku għal Swieqi.

Melita jkomplu jissorprendu

MELITA …………………… 2
LIJA A. ……………………. 1

Melita: D. Caruana, D. Cutajar, M. Debattista, A. Attard, J. Galea, A. De Barros, J. Abela, N. Omondi, C. Babilonia, E. Herrera, M. Desira Buttigieg.
Lija A: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, J. Oliveira Santos, C. Vella, K. Scerri, C. Giordimaina, P. Gusso, L. Micallef, R. Do Nascimento.
Referee: Slawomir Olucha

Melita komplew jissorprendu u javvanzaw fil-klassifika meta għelbu lil Lija 2-1 b’gowl f’kull taqsima biex ksibu t-tieni rebħa konsekuttiva tagħhom. Kienet logħba nteressanti iżda Melita kienu ferm aħjar u kien jimmerithom is-suċċess.
L-ewwel tentattiv kien ta’ melita permezz ta’ Debattista li mpenja lil Bonnici mid-distanza. Lija peirkolużi fis-17-il minuta permezz ta’ Lydon Micallef li dam jaħsibha xi ftit anki jekk finalment ikkonkluda iżda Caruana salva tajjeb.

Iktar ma beda għaddej il-ħin iktar Melita bdew jieħdu xi ftit supremazija u minuta mill-intervall marru anki fil-vantaġġ meta wara trijangolazzjoni tajba Camilo Babilonia daħal tajjeb u minn qagħda angolata għeleb lil Bonnici.

Lija wettqu żewġ tibdiliet fil-bidu tat-tieni taqsima iżda kienu Melita li rebħu penalty fit-52 minuta meta l-goalkeeper Bonnici waqqa’ lil Desira Buttigieg u mill-11-il metru kien Omondi li spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Wara dan il-gowl Lija ppruvaw jidħlu fil-logħba iżda kienu iktar Melita li resqu qrib it-tieni gowl b’xutt ta’ Debattista jaħbat ma’ sieq il-lasta u wara Brooke Farrugia kien se jikkommetti awtogowl iżda l-ballun ħadam mal-mimduda.

Lija resqu qrib b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Shimamura li kienet salvat b’mod brillanti minn Caruana. Fir-raba’ minuta ta’ ħin miżjud Lija skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni meta Oliveira Santos skorja direttament minn corner.