Lokali

Flok iwieġeb, Alex Dalli jiftaħ il-libelli

Minflok ma jwieġeb għall-mistoqsijiet jew jagħti spjegazzjonijiet ċari dwar it-tmexxija tal-ħabs, il-kurunell Dalli qed jiftaħ il-libelli kontra l-ġurnali, il-ġurnalisti, u kull min jazzarda jiftaħ ħalqu dwaru.

Wara li fetaħ libell lil Net News fuq dak li qal eks priġunier meta rrakkonta kif Dalli kien hedded lilu u lil priġunieri oħra li se jbattal pistola fuqhom, issa d-Direttur fetaħ ukoll libell lill-gazzetta Illum u lil eks gwardjan tal-ħabs li kkorabora l-fatt li Alex Dalli jdur fil-kurituri ta’ Kordin b’arma fuqu u li jużaħa biex jhedded lill-ħabsin.

Alex Dalli ilu fit-tmexxija tal-ħabs tliet snin – tliet snin turbolenti li raw tlettax il-priġunies jitlef ħajtu, ħafna minnhom f’ċirkustanzi suspetti u li għadna qed nistennew tweġibiet ċari fuqhom. U sadattant, Kastilja tibqa’ tiddefendih, bil-Prim MInistru Robert Abela sa ftit tal-ġimgħat ilu kien għadu jgħid li għandu fiduċja sħiħa fih, u bil-Ministru tal-Intern Byron Camilleri li baqa’ joħroġ għonqu għalih.

Robert Abela u Byron Camilleri baqgħu ikaxkru saqajhom dwar Alex Dalli

Il-Gvern Laburista baqa’ ċass u m’għamel assolutament xejn quddiem il-fatti li ħarġu fl-ahhar xhur, u kien biss xahrejn ilu, wara li fi zmien 6 ġimgħat mietu żewġ priġunieri li neħħew ħajjithom stess fil-ħabs, li fl-aħħar il-Ministru Byron Camilleri ċċaqlaq ftit u talab li tinfetaħ inkjesta dwar dak li qed jiġri f’Kordin.

Madankollu, għal raġunijiet diffiċli li wieħed jifhimhom, il-Ministru lanqas biss issospenda lil Dalli sakemm tintemm din l-inkjesta – turija ċara li l-Gvern għad m’għandux rieda vera li jindirizza l-problemi li hemm fil-ħabs.

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-bord li qed imexxi l-inkjesta dwar il-ħabs ingħata estensjoni ta’ xahrejn biex ikompli jinvestiga dak li qed jiġri f’din il-faċilità.