Kważi 70% ta’ dawk li wieġbu poll li għamel is-sit elettroniku tat-Times qalu li trasport pubbliku b’xejn ma jinkoraġġihomx li jħallu l-karozza pparkjata.
Għall-mistoqsija “Trasport pubbliku b’xejn jinkoraġġik tuża l-karozza privata tiegħek inqas?” 16% wieġbu iva, 69% wieġbu le,10% qalu li jaħsbuha u 5% qalu li huma jużaw it-trasport pubbliku b’mod regolari.
Dan ir-riżultat ħareġ minn aktar minn 8,000 tweġiba fuq survey mhux xjentifiku li sar jiem wara li fil-Budget tħabbar li minn Ottubru tas-sena d-dieħla, t-Trasport Pubbliku se jibda jkun b’xejn għal kulħadd.
Dan fi sforz biex, suppost, jonqos it-traffiku li jinġema bil-karozzi privati ta’ kuljum u tista’ tgħid f’kull ħin fit-toroq tagħna.
Madankollu jidher li l-poplu Malti għadu mhux lest li jħalli l-karozza tiegħu id-dar, biex juża tal-linja.
Statistika li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa tindika li ma kull jum li jgħaddi it-toroq tagħhna jaraw żieda ta’ 57 vettura ġdida.
Wieħed issa jrid jara kemm l-introduzzjoni ta’ servizz bla ħlas tal-linja, se jbiddel din ix-xejra ta’ żieda qawwija ta’ vetturi f’pajjiżna ta’ kuljum.
Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu qed jipproponi li t-trasport pubbliku jinqaleb kollu għal wieħed li jaħdem bl-elettriku – li jfisser li s-sistema tal-linja tkun waħda li ma tħallix tniġġiż fl-arja.
//= $special ?>