Lokali Transport

Il-Gvern Laburista jkompli bil-gimmicks ta’ qabel l-elezzjoni

Trikki trakki sfaċċati bejn il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima hekk kif fil-Parlament f’nofs din il-ġimgħa d-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina kixef il-qerq tal-Gvern dwar il-futur tas-sit f’Ħal Far propost biex jilqa’ fih is-Service Depot tas-sistema tal-Metro.

Filwaqt li sa ftit tal-jiem ilu biss is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kien qiegħed jiftaħar li Gvern Laburista ieħor jimbarka fuq l-iżvilupp ta’ Trakka tat-Tlielaq tal-Karozzi f’zona partikulari f’Ħal Far, minn dokumenti ppreżentati mill Ministru Ian Borg jirriżulta li l-istess sit partikulari hu mmarkat bħala l-post fejn għandu jkun żviluppat is-Service Depot tas-sistema tal-Metro.

Dan ifisser li jew is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima għal darb’oħra qed jitmejjel bid-dilettanti tat-tiġrijiet tal-karozzi billi jwegħedhom xi ħaġa fittizja għaliex iz-zona inkwistjoni hi mmarkata biex biha jsir is-Service Depot tas-sistema tal-Metro, jew inkella Clifton Grima verament ma jafx x’inhu jagħmel il-Gvern tiegħu stess billi qed ikun imwarrab mill-proġettazzjonijiet ta’ membri tal-Kabinett.

Id-dokumenti dwar is-sistema tal-Metro jindikaw bl-aktar mod ċar is-sit fejn hu suġġerit li jkun żviluppat is-Service Depot f’Ħal Far, u għal Ian Borg dan il-baby ġdid għalih bla dubju ta’ xejn li hu ferm aktar ta’ importanza minn kull Trakka tat-Tlielaq tal-Karozzi. Sorsi infurmati żvelaw ma’ Il-Mument li l-mument li dan kollu kien żvelat fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, xejn ma kien hemm arja pożittiva bejn il-grupp tal-Ministru Ian Borg u dak
tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, li allura fil-veru sens tal-kelma nħareġ li ma jafx l-affarijiet…anzi li qed jiddieħak bid-dilettanti tat-tiġrijiet tal-karozzi proprju lejlet l-Elezzjoni Ġenerali.

Mitlub jikkummenta minn Il-Mument dwar dan ix-xenarju kollu, Toni Bezzina li hu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar it-Trasport, l-Avjazzjoni u l-Marittimu, qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jidħak bin-nies “Ma ninsewx li l-ewwel għamel il-proposta tat-Trakka tat-Tiġrijiet tal-Karozzi f’Ħal Far u ġimgħa wara biss ħareġ bil-proposta tal-Metro f’Ħal Far ukoll. Dan kollu jirrigwarda l-istess sit f’Ħal Far. Il-Gvern irid jiddeċiedi x’se jagħmel… jew Trakka tat-Tlielaq tal-Karozzi jew inkella s-Service Depot tal-Metro.” Toni Bezzina spjega li dan kollu jfisser li l-Gvern qed jipprova jitmejjel bin-nies. “Jew qiegħed jipprova jgħaddi biż-żmien lid-dilettanti tat-tiġrijiet tat-tlielaq tal-karozzi meta qiegħed iwegħedhom trakka li fil-verità fil-pjanti tal-Metro ma tistax issir.”

Toni Bezzina kompla li hu minnu li l-Ministru u Transport Malta ħammru wiċċ Clifton Grima u kixfuh li ma jafx x’inhu jgħid u mhux kredibbli mal-istess dilettanti, iżda jidher biċ-ċar ukoll li l-Partit Laburista anqas biss qara l-proposti tiegħu stess, imbasta qiegħed jipprova jagħmel numru ta’ gimmicks lejliet l-Elezzjoni Ġenerali.”

Toni Bezzina temm jistaqsi għaliex il-Partit Laburista jibqa’ allerġiku għall-verità, iberbaq flus il-poplu f’rapporti fażulli u jitfa’ l-ħtija tal-inkompetenza tiegħu fuq terzi persuni.” Hu fakkar kif il-Gvern Laburista issa ilu s-snin jidħak bid-dilettanti tat-tiġrijiet tal-karozzi hekk kif meta tasal l-Elezzjoni Ġenerali erħilu jagħmel għadd ta’ wiegħdi dwar bini ta’ trakka tal-karozzi iżda mbagħad meta jkun fil-poter, iwarrab lill-istess dilettanti kif qed jagħmel b’mod sfaċċat issa.

“Il-Partit Laburista fil-Gvern issa kellu disa’ snin ċans biex jibni din it-trakka iżda sal-lum ma għamel assolutament xejn. Ara issa li riesqa l-Elezzjoni Ġenerali reġa’ ftakar fis-solita retorika u qed iwiegħed li se jibni din it-trakka… iżda issa ħareġ li mhux veru dawn il-wegħdi għaliex f’din iz-zona ġej Service Station tal-Metro!”