Ironija kbira li t-tema li ntgħażlet għall-Budget tal-2022 kienet “Malta li rridu għal uliedna”. il-Gvern għadu ma ntebaħx li ħafna minn “uliedna” qed jippakkjaw il-bagalji biex jaħarbu mill-Malta li qridna.
Din hija analiżi li jagħmel l-editorjal tas-Sunday Times of Malta hu u jixtarr dak li ħareġ mill-istħarriġ tal-EY fost iż-żgħażagħ ta’ pajjiżna.
L-istess editorjal jgħid li waqt li l-Gvern jinsisti li jberbaq flus il-poplu biex jipprova jsolvi l-problemi, baqa’ ma rnexxilux jiddiversifika l-ekonomija.
L-editur jinnota li ż-żgħażagħ tagħna huma ġenerazzjoni li għandhom kuxjenza ambjentali qawwija, li huma mdejqa bid-degradazzjoni tal-ambjent Malti, li għandhom għatx għall-intrapriża, u li huma mħassba dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna kif ukoll dwar l-ekonomija tagħna.
Huwa għalhekk, ikompli jgħid l-editorjal, li wieħed għandu jitħasseb għall-fatt li issa huma 60% tal-ġenerazzjoni żagħżugħa li trid titlaq minn pajjiżna, żieda ta’ 12% f’temp ta’ 12-il xahar biss.
L-istħarriġ tal-EY jirrifletti ftit jew wisq survey ieħor immexxi mill-Knisja li wkoll wera’ l-inkwiet taż-zgħazagħ fejn jidħol l-ambjent. Dak is-survey isemmi wkoll il-ħtieġa ta’ aktar sforz fit-trawwim ta’ ħsieb kritiku,filwaqt li jitfa’ dawl fuq in-nuqqas ta’ interess minn din il-ġenerazzjoni fil-politika ta’ pajjiżna.
It-Times titkellem dwar kif fl-2003 kien hemm il-biża’ li bid-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea konna se nitilfu talenti Maltin għax isibu opportunitajiet lil hinn minn xtutna. Illum, jgħid dan l-editorjal, iż-żgħażagħ tagħna qed jitilqu għax qed jaqtgħu qalbhom jgħixu f’pajjiż ta’ regħba, disrispett u nepotiżmu.
//= $special ?>