Internazzjonali

Il-Kolombja: Jinqabad l-akbar baruni tad-droga ‘wara Pablo Escobar’

L-akbar baruni tad-droga fil-Kolombja – li kien anki jmexxi l-akbar organizzazzjoni kriminali fil-pajjiż – inqabad mill-awtoritajiet lokali wara tfittxija intensiva u  azzjoni konġunta fit-tul mill-Armata, il-qawwiet tal-ajru u l-pulizija lokali.

Dan waqt li l-President Kolombjan, Ivan Duque, sostna li l-arrest ta’ Dairo Antonio Úsuga – magħruf ukoll bħala Otoniel – għandu jitqies bħala ‘l-akbar daqqa ta’ ħarta kontra t-traffikar tad-droga (fil-Kolombja).’

Il-Gvern Kolombjan kien offra premju ekwivalenti 600,000 ewro għal informazzjoni li kellha twassal għall-priġunerija ta’ Otoniel – bl-Istati Uniti tiffissa prezz ta’ ħames miljun dollaru għal kull inizjattiva li setgħet telimina ‘it-theddida ta’ dan il-baruni tad-droga’.

Otoniel – li nqabad fil-provinċja ta’ Antioquia ( qrib il-fruntiera mal-Panama) –kattar reputazzjoni bħala l-akbar kriminali tad-droga fil-Kolombja minn żmien l-infami Pablo Escobar li kien spiċċa maqtul waqt sparatura fl-aħħar tal-1993.

Intant, l-azzjoni biex jinqabad Otoniel involviet anki l-mijiet tas-suldati u numru kbir ta’ ħelikopters. Ir-rapporti qalu wkoll li nqatel uffiċjal tal-pulizija fi żmien meta Otoniel kien qed juża network ta’ ‘residenzi ta’ sigurtà’ biex jimxi minn post għall-ieħor u jevadi lill-awtoritajiet Kolombjani.