Internazzjonali

It-Turkija: Erdogan il-protagonista f’diżgwid diplomatiku

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan ħareġ direttiva biex 10 ambaxxaturi, fosthom l-ambaxxaturi tal-Istati Uniti u Franza, ikunu ddikjarati ‘persona non grata’. Dan il-pass ifisser li l-ambaxxaturi kapaċi jitilfu l-istatus diplomatiku, bil-potenzjal li huma jitkeċċew mill-pajjiż inkwistjoni.

Jidher li Erdogan jinsab urtat ħafna bl-ambaxxaturi wara li huma sejħu għall-ħelsien ‘urġenti’ tal-attivist Osman Kavala li ilu miżmum il-ħabs għal aktar minn erba’ snin. Kavala hu meqjus bħala ‘għadu tal-Gvern Tork’ minħabba numru ta’ dimostrazzjonijiet li kien involut fihom u fejn qed ikun implikat ukoll f’attentat għal kolp ta’ stat. Intant, l-istess Kavala ma spiċċa qatt ikkundannat minn qorti għal dawn l-akkużi.

L-istqarrija konġunta għall-ħelsien ta’ Kavala twasslet mill-ambaxxati tal-Istati Uniti, Franza, il-Kanada, il-Finlandja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Olanda, New Zealand, in-Norveġja u l-Iżvezja.

Dan meta l-Kunsill tal-Ewropa tat l-aħħar twissija lit-Turkija biex tirrispetta digriet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani biex Kavala jingħata l-libertà proviżorja waqt li jistenna biex jgħaddi ġuri.

Min-naħa tiegħu, Erdogan qal li l-ambaxxaturi ‘ma jistgħux jażżardaw li jagħtu d-direttivi lill-Ministeru (Tork) għall-Affarijiet Barranin’ – iżda għadhom mhumiex ċari l-iżviluppi li jmiss f’din is-sitwazzjoni. Dan fost il-kumment ta’ Erdogan li l-ambaxxaturi ‘jew jifhmu l-mod kif taħdem it-Turkija jew jitilqu lura lejn pajjiżhom’.

Sadanittant, il-Gvern tan-Norveġja qal li l-ambaxxatur tiegħu f’Ankara ‘ma għamel xejn biex jirrikjedi tkeċċija’ min-naħa tal-Gvern Tork. Dan ukoll wara li l-Ministeru Tork għall-Affarijiet Barranin kien sejjaħ lill-ambaxxaturi inkwistjoni biex jipprotesta dwar ‘l-istqarrija rresponsabbli tagħhom’ rigward il-każ ta’ Kavala.