Ekonomija Lokali

L-inċertezza qed tkompi tiżdied hekk kif in-negozji huma fost l-aktar inkwetati dwar jekk hux se tissejjaħ elezzjoni din is-sena

Sid ta’ negozju fost diversi sidien li fl-aħħar jiem tkellmu ma’ Il-Mument, appella lill-Gvern ta’ Robert Abela biex ma jkomplix iżid l-inċertezzi dwar id-data tal-elezzjoni u dwar jekk hux se ssir din is-sena.

“Iżżidx aktar l-inċertezzi,” kien l-appell ta’ sid ta’ negozju f’wieħed miċ-ċentri ewelnin tal-kummerċ f’pajjiżna hekk kif fisser il-preokkupazzjoni tiegħu u ta’ ħafna oħrajn li wkoll tkellmu ma’ Il-Mument, li elezzjoni din is-sena “tħarbat” il-pjani ta’ ħafna li qed jistennew li jkun hawn irkupru meta paragunat mal-aħħar snin dominati min npandemija dinjija. Is-sidien ta’ negozji li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li din l-inċertezza qed taffettwa negattivament in-negozji u li ħafna qed jittamaw li din is-sena tintemm fuq nota aħjar u aktar pożitiva meta paragunata mal-aħħar sentejn.

Ma’ dan it-tħassib u inkwiet ta’ ħafna fis-settur tan-negojzu, din il-ġimgħa żdiedu wkoll l-avvenimenti li seħħew matul din l-aħħar ġimgħa li komplew iżidu l-inċertezza li teżisti u li qed teskala kuljum dwar il-possibbiltà, għal darb’oħra, ta’ elezzjoni bikrika mill-Gvern Laburista – din id-darba mill-Gvern Laburista ta’ Robert Abela. Hekk kif din il-ġimgħa l-aħbarijiet li ħarġu dwar Malta xejn ma kienu aħbarijiet li jagħmlu kuraġġ, il-mistoqsija li qiegħda fuq fomm kulħadd hi dwar jekk hix se tissejjaħ elezzjoni qabel l-aħħar tas-sena.

Il-mod li bih għażel li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti l-Gvern ta’ Robert Abela dwar jekk hix se tissejjaħ elezzjoni immedjata, kompla jkabbar l-inċertezza u t-tensjoni fost ħafna sidien ta’ negozji żgħar u kbar. Hu naturali li kull meta tasal elezzjoni, jew tibda tiġri l-aħbar li l-gvern se jmur għal elezzjoni, jew kull meta kien hawn instabbilità kbira fil-pajjiż bħalma kien iż-żmien tal-aħħar elezzjoni ġenerali, l-attività ekonomika fil-pajjiż tbatti sew u tkun waħda kajmana.

Meta Il-Mument tkellem ma’ aktar sidien ta’ negozji f’inħawi differenti ta’ pajjiżna, irriżulta ċar li l- effetti tal-possbbiltà ta’ elezzjoni issa qabel il-festi tal-Milied qed jinħassu aktar u qed toħloq aktar tħassib fost il-komunità tan-negozju għar-raġuni li dan hu żmien fejn in-nies tan-negozju qed jibdew jaraw li l-affarijiet qed jerġgħu jiġu lura għan-normal minn wara l-pandemija. Ħafna huma dawk li ppreparaw ħafna u qed jistennew b’ħerqa l-ġimgħat li jwasslu għall-festi tal-Milied fejn hu mistenni minn ħafna li jibdew jaraw xi rkupru hekk kif qed noqorbu lejn in-normalità ġdida li din il pandemija qed tippreżenta lid-dinja kollha.

Iżda f’Malta, l-aħbarijiet li smajna din il-ġimgħa xejn ma jawguraw tajjeb għal pajjiżna. Il-Gvern ta’ Robert Abela hu konxju sew ta’ dan. L-aħbar li Malta nżammet fil-lista l-griża tal-FATF waqt li ħarġu minn din il-lista pajjiżi bħall-Mauritius u l-Botswana kienet ta’ daqqa ta’ ħarta kbira għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Id-dikjarazzjoni tal-President tal-FATF Marcus Pleyer, li għad fadal ħafna xi jsir biex Malta ma tibqax aktar fil-lista l-griża, kienet dikjarazzjoni inkwetanti kemm għall-investituri u l-komunità tan-negozju f’pajjiżna kif ukoll għal eluf ta’ ħaddiema li l-impjieg tagħhom jiddependi ħafna mir-reputazzjoni ta’ Malta.

Inkwiet ieħor kien il-bozza ħamra li qed naraw tixgħel għal dak li jirrigwarda l-livell għall-attrazzjoni ta’ investiment barrani f’Malta. Dan hekk kif stħarriġ li jsir kull sena mid-ditta ta’ awdituri EY wera l-agħar livell li qatt kisbet Malta. Dawn l-aħbarijiet komplew iżidu l-melħ fuq il-ferità hekk kif il-poplu kollu qed iħoss l-għafsa dejjem tikber tal-għoli tal-ħajja, iż-żieda qawwija fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-isplużjoni tad-dejn pubbliku, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fil-linja nazzjonali tal-ajru, u l-inċertezzi li qed jaħdmu fihom l-għalliema fis-settur edukattiv li mhux qed joffru ebda serħan ta’ moħħ iżda aktar inċertezzi. Dikjarazzjoni oħra ta’ tħassib, kif ilha twissi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, hi dik marbuta mal-isptarijiet pubbliċi li l-Gvern Laburista biegħ lill-barranin. Id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li ammetta li fid-deal dwar l-isptarijiet pubbliċi hemm il-problemi, tkompli tkabbar il-problemi u l-paniku fil-Gvern Laburista ta’ Robert Abela.

Dan hu Gvern li bid-dikjarazzjonijiet li qed jagħmel, waqt li jagħti l-impressjoni li xejn mhu xejn kif wera bl-eżerċizzju ta’ propaganda meta ppreżenta l-Baġit għas-sena d-dieħla, qed jitfa’ taħt it-tapit il-problemi kbar li għandu l-pajjiż u jkompli jwiegħed u jaljena lin-nies.

Fil-programm Net Live ppreżentat minn Robert Cremona nhar il-Ġimgħa filgħaxija, Paul Abela, President tal-Kamra tal-SMEs, saħaq li n-negozji għaddew diġà minn ħafna inċertezzi kawża tal-pandemija u hekk kif issa qed jaraw lil f’pajjiżna wkoll beda ż-żmien ta’ rkupru lejn in-normalità ġdida ta’ wara l-pandemija, l-inċertezza li hawn dwar elezzjoni qabel il-festi tal-Milied qed taffettwa mhux ftit lis-settur tan-nogozju. Hu appella lill-Prim Ministru li jekk għandu jsejjaħ elezzjoni jsejjaħha llum qabel għada, u jekk le jkun ċar. Il-konfużjoni li nħolqot għaliex Robert Abela qed jagħmel minn kollox biex ikabbar l-inċertezza dwar elezzjoni jew le, kompliet teskala b’diversi posts li tellgħu ministri u membri fil-kabinett stess ta’ Robert Abela, bil-Ministru Evaristt Bartolo saħansitra jtella’ ritratt mal-kollegi tiegħu fil-Ministeru u jirringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.

Tags