Lokali Qorti

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech jitolbu li ssir iktar investigazzjoni mill-Pulizija dwar ix-xhieda ta’ Melvin Theuma

L-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jitolbu lill-Pulizija sabiex jinvestigaw l-imsejħa “gideb” ta’ Melvin Theuma.

Huma qed jallegaw li x-xhieda ta’ Theuma fil-Qorti dwar Keith Schembri tikkontradixxi dak li qal fir-rekordings sigrieti.

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech qed jitolbu lill-Pulizija jinvestigaw ix-xhieda ta’ Melvin Theuma kontra Fenech, akkużat li kien komplici fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma saħqu li Theuma ….li huwa l-middleman f’dan l-assassinju…. gideb dwar l-irwol li kellu l-eks chief of staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri f’dan il-qtil. 

L-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jakkużaw lil Theuma b’xhieda falza li tikkondradixxi dak li ntqal fir-rekordings sigrieti bejnu u bejn Johann Cremona.

Fuq il-pedana tax-xhieda, meta kien mistoqsi jekk Keith Schembri qattx bagħat lil xi ħadd biex ikellmu fuq dan l-assassinju, huwa wieġeb fin-negattiv. Iżda fir-rekordings bejn Theuma u Cremona, Theuma jirreferi għal Schembri bħala l-persuna li wgħedet lill-aħwa Degiorgio li se jingħataw il-bail u miljun ewro kull wieħed.  

S’issa Theuma xehed 15-il darba fil-każ ta’ Yorgen Fenech kif ukoll kontra l-aħwa Degiorgio, Vince Muscat, l-aħwa Adrian u Robert Agrius u Jamie Vella, kif ukoll fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.