Internazzjonali

L-Italja: Matteo Salvini taħt proċess dwar l-ostakolar tal-immigranti, fil-każ ta’ ‘Open Arms’

L-eks Ministru għall-Intern Taljan, Matteo Salvini, qed ikun ipproċessat minn qorti fi Sqallija fejn hu akkużat b’li żamm vapur tal-immigranti milli jitfa l-ankri f’pajjiżu. Il-każ kien jinvolvi l-bastiment Spanjol Open Arms li kien tħalla fil-limbu għal 19-il jum  qabel seta’ jidħol fil-gżira ta’ Lampedusa, bi kważi 150 immigrant abbord.

Salvini, politiku tal-lemin, qed jiċħad li hu ħati dwar ‘il-ħtif u żamma tan-nies ( l-immigranti u l-ekwipaġġ tal-vapur) kontra l-volontà tagħhom.’ Fl-istess ħin, hu insista li fl-ebda ħin ma naqas milli jirrispetta d-doveri tiegħu bħala Ministru — waqt li spjega li hu, dak iż-żmien, kien qed jiddefendi l-politika tal-Gvern tiegħu li esiġiet l-‘għeluq tal-portijiet għall-immigranti illegali’.

Il-politika partikulari kienet ukoll intiża biex ‘taqta’ qalb l-immigranti’ li setgħu kienu qed jaħsbu biex jagħmlu l-vjaġġ perikoluż mill-Mediterran lejn l-Ewropa.

Fil-fatt, Salvini kien għalaq il-portijiet tal-Italja għall-vapuri li kienu qed isalvaw lill-immigranti u fejn spikka l-każ tal-Open Arms, meta għexieren ta’ immigranti li kienu ttellgħu abbord (fil-Mediterran) spiċċaw kostretti li jgħixu fuq il-vapur Spanjol għal tlett ġimgħat u ‘f’kundizzjonijiet inumani.

F’każ li jinstab ħati, Matteo Salvini kapaċi jeħel sa 15-il sena ħabs u, fl-ewwel jum tal-proċess, l-imħallef ippermetta li jinstemgħu x-xhieda preżentati min-naħat kollha – u meta x-xhieda jinkludu lill-eks Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u membri tal-Kabinett tiegħu.

Ix-xhieda għall-Proskeuzzjoni jinkludu lill-attur veteran ta’ Hollywood, Richard Gere, li kien tela’ fuq l-Open Arms qabel il-vapur kien daħal f’Lampedusa.

L-ostakolar tal-vapur Open Arms fuq l-inizjattiva ta’ Salvini kien qajjem għagħa sħiħ u diżgwid profond fl-eks Gvern Taljan ta’ koalizzjoni – fejn il-Partit tal-Lega (ta’ Salvini) dak iż-żmien kien qed jaqsam il-poter mal-Movimento Cinque Stelle.

Is-Senat Taljan, matul is-sajf li għadda, kien ivvota biex ineħħi l-immunità parlamentari ta’ Salvini, bl-eks Prim Ministru Conte isostni li ‘Matteo Salvini kellu ossessjoni sħiħa b’li ma jdaħħalx l-immigranti fil-portijiet tal-Italja.’

Fl-2019 l-organizzazzjoni umanitarja u karitatevoli Open Arms ressqet rikors biex tikkuntesta l-legalità tal-aġir ta’ Salvini fil-konfront tal-bastiment tagħha. Dan wara li ħafna mill-immigranti kienu diġà niżlu mill-bastiment inkwistjoni.

Fi tmiem il-ġimgħa, Oscar Camps, il-fundatur tal-organizzazzjoni Open Arms, kellem lill-ġurnalisti u enfasizza li l-isforzi biex isalvaw il-ħajja bl-ebda mod mgħandhom ikunu politiċizzati. Hu żied li l-impenji ‘biex in-nies ma jegħrqux’ bl-ebda mod ma jinvolvu reat, ‘anzi, huma xi ħaġa obbligatorja mhux biss għall-kaptani tal-vapuri iżda għall-pajjiżi kollha’.

Intant, il-qorti fi Sqallija aġġornat wara ftit sigħat u meta s-smigħ li jmiss fil-każ ‘Salvini u l-Open Arms’ mistenni għas-17 ta’ Diċembru.