Internazzjonali

L-Uganda: Suspettat attakk terroristiku f’ħanut tax-xorb

Numru ta’ persuni tilfu ħajjithom, b’oħrajn jisfaw midruba, wara splużjoni ta’ bomba f’ħanut tax-xorb fil-belt kapitali ta’ Kampala. L-attakk seħħ matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd u l-pulizija qed titratta l-każ bħala wieħed terroristiku.

L-isplużjoni kienet segwita minn paniku kbir fost in-nies li dak il-ħin kienu qed jippakkjaw iz-zona partikulari ta’ Kampala li, fil-parti kbira, hi waħda residenzjali. Fl-aħħar sigħat, l-esperti forensiċi fuq il-post kienu qed jippruvaw jiksbu materjal li jista’ jgħin fl-investigazzjoni fost preżenza kbira ta’ qawwiet tas-sigurtà.

Il-President tal-Uganda,  Yoweri Museveni, fl-ewwel kummenti wara l-atroċità, ma eskludiex li ‘suspettati terroristi’’ setgħu ħallew basket tal-plastik mimli bl-isplussivi fil-ħanut tax-xorb inkwistjoni.

Intant, il-Gvern tar-Renju Unit, proprju ġimgħa ilu, kien ħareġ allert dwar il-possibbiltà ta’ terroriżmu fost twissija liċ-ċittadini Britanniċi li jinsabu fl-Uganda ‘biex jibqgħu viġilanti fil-postijiet pubbliċi li jinkludu l-bars u r-ristoranti’.