Futbol Sport

Liverpool jiddominaw f’Old Trafford

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu rebħa dominanti fuq Man Utd f’Old Trafford, bl-iskor ta’ 5-0, b’Mohammed Salah jiskorja hat-trick. Liverpool fetħu l-iskor fil-5 minuta meta minn pass ta’ Mohammed Salah kien Naby Keita li għeleb għal kollox li David De Gea għal 1-0. Man Utd wettqu reazzjoni fl-10 minuta meta x-xutt ta’ Marcus Rashford għadda ftit barra mil-lasti ta’ Alisson. Minkejja dan Liverpool rdroppjaw fit-13-il minuta, meta l-indeċiżjoni bejn Harry Maguire u Luke Shaw, waslet biex Alexander-Arnold tefa’ cross insidjuż, bi Diogo Jota jilħaq qabel kulħadd u jitfa’ ġewwa mill-viċin. Fil-21 minuta Man Utd għal darb’oħra viċin il-gowl meta x-xutt ta’ Luke Shaw għadda ftit barra mil-lasti ta’ Liverpool.

Fit-28 minuta Mason Greenwood impenja lil Alisson li tar għal tulu u dawwar il-ballun f’corner. Fil-31 minuta Mohammed Salah approfitta fuq pass fit-tul, bil-konklużjoni tiegħu tkun salvata tajjeb minn David De Gea. Fis-37 minuta jasal it-tielet gowl għal Liverpool f’dominju assolut, meta l-ballun waqa’ għand Naby Keita, li għadda l-ballun lejn Mohammed Salah u tefa’ ġewwa minn posizzjoni faċli. B’dan il-gowl Salah skorja f’10 partiti konsekuttivi għal Liverpool. It-tim immexxi minn Jurgen Klopp skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom fil-ħim mogħti tal-ewwel taqsima meta minn pass ta’ Diogo Jota, reġa’ kien Mohammed Salah li bil-kalma kollha għeleb lil David De Gea, bl-ewwel taqsima tintemm 4-0.

Fit-tieni taqsima Liverpool komplew jiddominaw u proprju fil-50 minuta skorjaw il-ħames gowl, meta minn pass mill-aqwa ta’ Jordan Henderson, kien Mohammed Salah li qabbeż bil-kalma minn fuq De Gea għal hat-trick personali. Fis-60 minuta Man Utd spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa Paul Pogba wara daħla kerha fuq Naby Keita.

Fil-London Stadium, West Ham kisbu rebħa ta’ 1-0 fid-derby ta’ Londra kontra Tottenham biex komplew b’din il-mixja pożittiva matul dan l-istaġun fil-Premie League. B’din ir-rebħa huma telgħu fir-raba’ post tal-klassifika, b’Tottenham jibqgħu fis-sitt post. Il-gowl uniku tal-partita wasal fit-72 minuta meta minn cross ta’ Aaron Cresswell kien Michail Antonio li tefa’ ġewwa. Dan kien is-sitt gowl ta’ Antonio dan l-istaġun, fejn għandu wkoll tliet assists għal ismu, fi tmien partiti li lagħab sa issa.

F’partita oħra fil-Brentford Community Stadium, Leicester għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 2-1, f’partita missielta. Leicester fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta b’xutt mill-isbaħ kien Yuri Tielemans li għeleb lil goalkeeper ta’ Brentford għal 1-0. Fis-60 minuta Brentford kisbu l-gowl tad-draw meta minn corner ta’ Mathias Jensen kien Mathias Joergensen li bir-ras għeleb lil Kasper Schmeichel għal 1-1. Iżda Leicester skorjaw il-gowl tar-rebħa meta minn pass ta’ Patson Daka, kien James Maddison li mill-viċin tefa’ ġewwa għal 2-1.

PREMIER LEAGUE

Il-Ġimgħa Arsenal v Aston Villa 3-1 Is-Sibt Chelsea v Norwich 7-0, C’Palace v Newcastle 1-1, Leeds v Wolves 1-1, Everton v Watford 2-5, Southampton v Burnley 2-2, Brighton v Man City 1-4 Illum West Ham v Tottenham 1-0, Brentford v Leicester 1-2, Man Utd v Liverpool 0-5