Futbol Sport

Santa Lucia u Sliema Wanderers jibqgħu jfittxu l-ewwel rebħa

Rowen Camilleri

STA. LUCIA…………0

SLIEMA W…………..0

Sta. Lucia: J. Archibald, A. Prates, N. Pulis, G. Conti, P. Silva, V. Plut, A. Souza, V. Filho, J. Zerafa (J. Carbone 76’), D. Xuereb, K. Xuereb (J. Tanti 63’)

Sliema W.: T. Aquilina, P. Morales, K. Shaw, G. Aquilina (E. Agius 65’), I. Gui (M. Scerri 76;), D. Holla, Y. Uchida (M. Beerman 76’) J. Bilek, R. Sohna (O. Elouni 56’), D. Vukovic, V. Berisha

Imwissija: N. Pulis 39’, K. Xuereb 49’ (Sl), V. Berisha 60’, D. Vukovic 70’, K. Shaw 72’, T. Aquilina 74’, A. Prates 90’ (S)

Tkeċċa:  D. Holla 24’ (S), V. Filho 86’

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Roberto Vella u James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Yuki Uchida (Sliema Wanderers)

BOV Plejer tal-logħba: Gianmarco Conti (Santa Lucia)

F’partita li ftit offriet spettaklu Sta. Lucia u Sliema Wanderers ħadu punt kull wieħed fi dro ta’ mingħajr gowls biex b’hekk baqgħu it-tnejn li huma bla ebda rebħa minn seba’ logħbiet. Sliema Wanderers lagħbu għall-maġġoranza tal-partita bi plejer inqas meta fil-25 minuta tkeċċa għalihom Danny Holla. Madanakollu Sta. Lucia m’ approfittawx minn dan u ma’ rnexxielhomx joħolqu periklu lejn il-lasti ta’ Aquilina.

Wara biss erba’ minuti Sta. Lucia marru viċin meta minn kross ta’ Alan Souza kien id-difensur Andre Prates li prova bir-ras iżda l-ballun għadda ftit barra. Fit-8 minuta mbad azzjoni fuq in-naħa l-oħra, Berisha ta’ Sliema prova xutt minn tarf il-kaxxa li ukoll għadda barra. Fit-18-il minuta azzjoni oħra għal-iskwadra ta’ Oliver Spiteri meta Filho tefa’ kross mix-xellug li sab lil Conti li x-xutt bid-dawra tiegħu għadda mħakkek mal-wieqfa. Fl-24 minuta Jamie Zerafa għal Sta. Lucia jipprova xutt mill-ewwel minn tar fil-kaxxa li Aquilina salva tajjeb. Fl-istess minuta Sliema Wanderers ħadu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw b’għaxra minn nies meta l-plejer Olandiż Danny Holla deher li għamel daħla kerha fuq Nicholas Pulis bir-referee Darryl Agius joħroġ il-karta ħamra minnufieħ u jkeċċi lill-plejer ta’ Sliema.

Fit-tieni taqsima kelna nistennew sas-66 minuta biex rajna l-ewwel azzjoni u din kienet minn naħa ta’ Sta. Lucia. Kien Conti li ħarab tajjeb mal-linja u wara li daħal fil-kaxxa tefa kross insidjuż lejn Plut li iżda l-gowlkiper ta’ Sliema ħareġ tajjeb u laqa’ qabel il-ballun wasal għand l-Isloven. Fil-71 minuta Sliema kellhom korner li inkariga rħu minnu s-sostitut Beerman li l-kross tiegħu sab lil Bilek li iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra. Fis-87 minuta Kurt Shaw inkariga minn free kick dirett bix-xutt b’saħħtu tal-internazzjonali Malti jkun milqugħ b’diffikultà minn Archibald.