Lokali

Allegazzjonijiet fuq Stefan Zrinzo Azzopardi dwar abbuż minn fondi Ewropej

The Shift żvela li l-Maġistrat Josette Demicoli ordnat sabiex tissokta investigazzjoni maġisterali b’rabta mal-użu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn fondi pubbliċi u Ewropej sabiex jinbena ħitan tas-sejjieħ għoli f’parti remota u rurali ta’ Ħad-Dingli. Intqal kif dan il-ħitan iwassal għal kumpless tan-nar abbandunat li s-sidien tiegħu jridu jbiddluh f’lukanda.

The Shift spjega kif il-protagonisti taħt il-lenti ta’ din l-investigazzjoni huma s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, responsabbli mill-fondi Ewropej fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.

L-artiklu jkompli jiżvela li din l-ordni ta’ inkjesta wasal wara li l-Maġistrat rat u fliet numru ta’ dokumenti wara li kien sar ilment formali minn resident tal-istess lokalità.

Il-Maġistrat Josette Demicoli kkonkludiet li teżisti l-possibiltà li twettqu atti kriminali li jġorru piena ta’ aktar minn 3 snin priġunerija.

L-ilment provda evidenza kif f’żona rurali, qrib l-irdum ta’ Ħad-Dingli kif ukoll f’sit ta’ Natura 2000 – ġie trasformat permezz tal-bini ta’ ħajt tas-sejjieħ twil madwar kilometru fi Triq Bufula…mingħajr ebda pjanar u permessi – bl-użu ta’ fondi mill-UE.