Lokali Qorti

Bouncer jingħata l-libertà proviżorja wara li allegatament agredixxa turist Ingliż

Bouncer, li allegatament aggredixxa turist Ingliż wara li kien involut f’argument f’bar ġewwa Paceville is-Sibt filgħaxija, ingħata l-libertà proviżorja wara li l-allegat vittma u s-sieħba tiegħu xehdu qabel ma’ kellhom jitilqu lura lejn pajjiżhom. Zarko Tramosljanin, ħaddiem Serb ta’ 27 sena residenti San Ġwann, ġie skortat il-qorti taħt arrest akkużat li darab gravi raġel Brittaniku barra Hugo’s Terrace fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu.

Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika u li ħadem bħala uffiċjal tas-sigurtà privata mingħajr il-liċenzja meħtieġa. L-akkużat wieġeb mhux ħati. L-allegat vittma, turist żagħżugħ Ingliż, biil-ġibs imdaqqas fuq moħħu tela’ fuq il-pedana tax-xhieda waqt li rrakkonta l-ġrajjiet tas-Sibt filgħaxija, u spjega li t-tifkira tiegħu kienet kemmxejn imċajpra mhux biss għax kien qed jixrob imma wkoll minħabba daqqa f’rasu.

Aktar kmieni dakinhar filgħaxija, ir-raġel u sieħbu kienu marru Paceville f’taxi wara l-pranzu f’lukanda ġewwa l-Qawra fejn kienu joqogħdu mill-wasla tagħhom nhar l-Erbgħa. Il-koppja daħlu fil-bar Paceville, ordnaw xarba u qagħdu għal ftit qabel ma bbukjaw taxi lura lejn il-lukanda.

Iżda hekk kif kienu ħerġin barra, ġew avviċinati minn membru tas-security li sostna li ma ħallsux għax-xorb tagħhom. Inqala’ argument verbali u hekk kif inġabru aktar membri tas-security, is-sitwazzjoni eskalat. Is-sieħba tiegħu offriet li terġa tħallas €12, iżda l-Brittaniku talabha biex ma tagħmilx hekk, qal ix-xhud.

Hija ddeċidiet li tħallas xorta waħda iżda l-istaff sar dejjem aktar ta’ theddida u s-sitwazzjoni saret fiżika, spjega r-raġel, filwaqt li fakkar kif seħħet l-aggressjoni hekk kif il-koppja fittxew li jagħmlu triqithom lejn it-taxi li kien qed jistennihom. Huwa qala’ daqqa ta’ ponn f’rasu u daharu, imbagħad ingħata daqqa ta’ sieq waqt li kien mimdud mal-art, u spiċċa b’qatgħa f’rasu u kellu bżonn il-punti, sinna ċċippjata, kif ukoll uġigħ fid-dahar u fir-riġel, qalet l-allegat vittma.

Mistoqsi jekk jistax jidentifika l-aggressur suspettat tiegħu fil-qorti, ix-xhud wieġeb, “Jien taħt ġurament u mhux ser nigdeb. Ma nistax niftakar. Imma kien membru tal-istaff.” Taħt kontro-eżami, l-allegat vittma qal li kienu xorbu nbid u birra fil-lukanda, segwit minn lager fil-bar ġewwa Paceville.

Mistoqsi jekk kienx beda l-ġlieda jew irritaljax, ir-raġel qal li żgur li ma bediex il-ġlieda. “Ma niftakarx. Konna biss qed nippruvaw immoru d-dar. Fl-aħħar tal-ġurnata, ġejt attakkat.” Is-sieħba tiegħu xehdet ukoll, u kkonfermat d-dinamika tal-inċident.

Wieħed mill-istaff poġġa’ idejh fuq dirgħajha u hi qaltlu biex jitlaqa ‘l hemm. Hekk kif beda’ l-attakk allegat, tefgħet il-handbag tagħha fil-ġemb u marret tgħin lis-sieħeb tagħha, u ppruvat tiġbed lill-aggressur minn fuqu. Mistoqsija mill-avukat difensur Shazoo Ghaznavi jekk tistax tidentifika lis-suspettat, il-mara ħarset madwar l-awla.

“Forsi r-raġel bil-flokk beige,” oqalet b’eżitazzjoni, sussegwentement ammettiet li kienet ‘tipsy’ (daqsxejn xurbana) dak il-ħin u t-triq kienet mudlama. Talba għall-ħelsien mill-arrest intlaqgħet mill-Qorti, ppreseduta mill-maġistrat Marse-Ann Farrugia, anke fid-dawl tal-fatt li xehed l-allegat vittma u s-sieħba tiegħu.

L-akkużat ġie ordnat jiffirma l-għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, biex jirrispetta curfew bejn il-11.30pm u l-4.30am u xi ħadd jagħmillu tajjeb b’ garanzija ta’ €7,000. Direttur f’kumpanija tas-sigurtà, li ilu jaf lill-akkużat għal aktar minn sena, kien meqjus li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ terz garanti wara li wieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet mill-qorti. L-Ispettur Brian Xuereb mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Shazoo Ghaznavi u Charlon Gouder kienu l-avukati difensuri.