Għawdex Lokali

€2 miljun f’fondi tal-UE mormija – il-PN

Sentejn wara li nxtraw sitt coaches mill-Ministeru għal Għawdex, għall-vaur ta’ €1.7 miljun minn fondi Ewropej, dawn għadhom mitluqin f’bitħa tal-Gvern ħdejn il-Ġgantija, fix-Xagħra. Ma’ dawn inxtraw ukoll chargers, b’direct order ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro.

Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said u mill-Kelliem għall-Fondi Ewropej Kevin Cutajar, fejn fakkar ukoll kif meta fl-aħħar jiem ġie mistoqsi fil-Parlament x’ se jsir minn dawn il-coaches, fir-risposta tiegħu, il-Ministru għal Għawdex qal li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet biex jaraw kif l-aħjar li dawn jintużaw.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li dan hu Gvern li ma jippjanax għax nefaq €2 miljun u sentejn wara, għadu ma jafx kif se juża’ dawn il-coaches, tant li dawn qed jispiċċaw ma’ kull ġurnata li tgħaddi.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ nuqqas ta’ ippjanar serju fejn jidħlu fondi tal-Unjoni Ewropeja f’Għawdex. Fil-fatt, diġà kien hemm allokazzjoni ta’ €4 miljun għall-Gozo Museum, li iżda spiċċaw intilfu għax il-Ministeru għal Għawdex waqa’ ferm lura fix-xogħol ta’ dan il-mużew.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif fl-aħħar disa’ snin, il-Ministeru għal Għawdex – taħt tliet Ministri differenti tal-Labour – ma kienx kapaċi jġib ċentezmu wieħed mill-fondi Ewropej għat-toroq f’Għawdex.

Min-naħa l-oħra, Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista ġab miljuni ta’ ewro f’fondi għal toroq, li bihom fost l-oħrajn inbnew mill-ġdid bis-servizzi kollha t-triq mill-Imġarr sax-Xewkija, dik mix-Xewkija sar-Rabat, Triq ir-Repubblika fir-Rabat, it-triq mir-Rabat sal-Għarb, it-triq ta’ Pinu u t-triq minn San Lawrenz sad-Dwejra.

Il-proġetti u inizjattivi b’fondi tal-Unjoni Ewropea f’Għawdex huma skarsi, tant li l-Gvern ma jridx jgħid kemm nefaq minn dawn il-fondi f’Għawdex fl-aħħar disa’ snin. Min-naħa l-oħra, l-istqarrija tfakkar kif Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien assigura li mill-anqas 10% tal-fondi Ewropej riedu jintefqu f’Għawdex u hekk kien sar.