Lokali

Il-PN jagħti r-riedni tal-ħajja lill-persuni b’diżabbiltà permezz ta’ assistenza speċifika

Il-Partit Nazzjonalista impenjat aktar minn qatt qabel biex jagħmel qabżiet ta’ kwalità ’l quddiem fil-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà. Impenjat li jistinka fuq ir-rakkomandazzjonijiet ippubblikati minn żmien għal żmien minn bosta akkademiċi u professjonisti, biex b’hekk jiżgura li pajjiżna, il-qafas leġiżlattiv, il-mentalità nazzjonali u l-infrastruttura fil-livelli varji jkunu verament adegwati għall-eżiġenzi tal-lum tal-persuni b’diżabbiltà.

Fi stqarrija ngħad li fejn jidħlu s-servizzi disponibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà, il-politika tal-Partit Nazzjonalista tpoġġi lill-persuni fiċ-ċentru. Hija politika msejsa fuq id-dinjità u d-drittijiet, u fuq miżuri li jagħtu aktar assistenza u għodod lill-familji tal-persuni b’diżabbiltà biex ikun żgurat li kull wieħed u waħda jibqgħu fil-lokalità fejn twieldu u trabbew.

“Aħna ma naqblux mal-proġett ta’ €32miljun li qed jonfoq il-gvern Laburista fil-periferija tan-Naxxar għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-qalba tal-komunità tagħhom, u mhux x’imkien imbiegħed min-nies. Dak il-proġett tal-Labour ma jaqbilx mal-prinċipji tagħna li npoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna,” qal dan il-Viċi Kap tal-PN David Agius, bħala l-kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-familji, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà, waqt webinar bit-tema “Disability Services: Do they work?”

“Minflok, gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti bis-sħiħ f’assistenza personali speċifika skont il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà biex kull wieħed u waħda jkollhom ir-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom. Ninvestu flus il-poplu wkoll f’sensiela ta’ proġetti maħsuba biex itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà f’kull sens tal-kelma: aċċessibbiltà fiżika għall-ispazji u l-binjiet pubbliċi, għat-trasport pubbliku, l-aċċess għall-ġustizzja, għall-kultura, għat-taħriġ u l-edukazzjoni, għas-servizzi meħtieġa u oħrajn.”

Għaldaqstant, id f’id mal-MCAST u mal-Università ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi umani għal dan il-għan (inkluż b’miżuri favur il-familja) u li jtejjeb l-iżvilupp kontinwu tal-professjonisti biex ikollna aktar speċjalizzazzjonijiet skont ma jkun jeħtieġ il-pajjiż. Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista impenjat li jkompli jħeġġeġ u jħajjar aktar riċerka dettaljata skont il-bżonnijiet tal-pajjiż f’dan il-qasam biex il-persuni responsabbli jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u effettivi.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem fuq it-tajjeb li qed isir. U għaldaqstant se jissokta jipprovdi inċentivi u għajnuniet biex aktar persuni b’diżabbiltà jidħlu fis-suq tax-xogħol bi kwalifiki għoljin u b’impjiegi ta’ kwalità.

Minbarra dan, il-Partit Nazzjonalista hu kommess ukoll li jżid bil-kbir ir-rappreżentanza tal-persuni b’diżabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-pajjiż, u fuq kollox fl-ewwel ġimgħat, gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li mingħajr aktar dewmien, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) issir korp indipendenti mill-gvern li tirrapporta lill-Parlament ta’ Malta u mhux lil xi Ministru, biex tassew tkun tista’ taqdi dmirha mingħajr indħil għall-ġid tal-persuni b’diżabbiltà.