Hu evidenti li hemm konfoffa bejn Konrad Mizzi u l-Partit Laburista ta’ Robert Abela, ladarba l-membri tal-Gvern fil-Parlament qed jibqgħu jiddefendu lill-eks Ministru Laburista u ma jridux li l-Parlament jitolbu jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.
Hekk iddikjara d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li hu wkoll iċ-Chairman tal-PAC, matul konferenza tal-aħbarijiet fid-dawl tal-fatt li Konrad Mizzi reġa’ ddeċieda li jaħrab mill-iskrutinju tal-Kumitat.
Dwar dan, Beppe Fenech Adami qal li mhux aċċettabbli li issa Konrad Mizzi informa lill-PAC li hu msiefer, minkejja li l-ġimgħa li għaddiet kien qal li se jattendi. Għaldaqstant, hu staqsa x’jaf l-eks Deputat Mexxej dwar il-Partit Laburista u l-involviment ta’ Robert Abela u dawk ta’ madwaru, meta l-istess Abela kien il-Konsulent ta’ Joseph Muscat f’Kastilja.
Beppe Fenech Adami tenna li d-Deputati Nazzjonalisti se jkomplu jaraw li l-verità dwar l-Electrogas toħroġ kollha.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li fakkar kif dan il-proġett skandaluż wassal u se jkompli jwassal għal kontijiet għoljin tal-enerġija. Hu qal li d-Deputati Nazzjonalisti se jkunu qed jistaqsu mijiet ta’ mistoqsijiet biex toħroġ il-verità kollha dwar dan il-proġett, li kien moħmi u maħdum kollu mill-Partit Laburista sa minn meta kien elett fil-Gvern fl-2013.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministru attwali tal-Enerġija Miriam Dalli quddiem dan l-iskandlu meta hi, kemm ilha fil-Kabinett, kulma għamlet kien biss musical chairs fit-tmexxija tal-Enemalta.
Hu tenna li Robert Abela hu nkwetat li, jekk Konrad Mizzi jitħalla jixhed, tiżdiedlu l-possibbiltà li l-50 miljun misruqa minn but il-poplu jintraddu lura … xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista lest jagħmel għax mhux marbut ma’ min hu nvolut f’dan l-iskandlu.
It-tliet kelliema tennew it-tħassib tagħhom ghaliex fi kliemhom stess…. il-Prim Ministru Abela u dawk madwaru f’Kastilja qed iħallu din il-konfoffa tibqa’ għaddejja u ma jħallux li toħroġ il-verità kollha.
//= $special ?>