Lokali

Imnedija t-12-il edizzjoni tal-President’s FunRun b’differenza

Wara nuqqas ta’ sena, se ttirritorna il-President’s FunRun – attività li ilha tittella’ sa mill-2009 u li matulha jinġabru flus ghall-Malta Community Chest Fund, li eventwalment jitqassmu lil dawk li l-aktar li għandhom bżonn l-għajnuna.

F’diskors li għamel waqt it-tnedija, il-President ta’ Malta qal li t-talbiet għall-għajnuna qed jiżdiedu hekk kif bħalissa hawn aktar nies li qed ibatu. U huwa propju għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jerġgħu jibdew attivitajiet li jistgħu iservu biex jinġabru fondi li tant jistgħu ikunu ta’ għajnuna.

Fl-2020, din l-attività ma saritx minħabba l-firxa tal-pandemija, iżda din is-sena, l-Uffiċju tal-President kien determinat li din is-sena terġa’ ssir, iżda ssir b’differenza u b’rispett totali tal-protokolli ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-akbar differenza se tkun il-loġistika tal-Fun Run, li se ssir fil-21 ta’ Novembru f’kull lokalità f’pajjiżna. Filfatt din is-sena l-Kunsilli Lokali se jkunu involuti b’mod dirett.

Dawk interessati li jipparteċipaw iridu jmorru fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-lokalità tiegħu fejn hemmhekk ikun jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu sabiex jingħata t-T-Shirt tal-FunRun. Kull min jixtieq jagħmel il-mixja jrid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Kull Kunsill se jkun qed jaċċerta li dawk li jinġabru biex jagħmlu l-mixja jkunu f’bubbles ta’ mhux aktar minn 100 ruħ.