Internazzjonali

Imut James Michael Tyler, attur tas-sensiela ‘Friends’

Id-dinja tal-ispettaklu, partikolarment il-miljuni ta’ segwaċi tas-sensiela komika popolari ‘Friends’ jinsabu f’luttu hekk kif il-Ħadd tħabbret il-mewt ta’ James Michael Tyler, fl-eta’ ta’ 59 sena.

Tyler kellu l-parti ta’ Gunther, il-barista fil-ħanut tal-kafe’ ‘Central Perk’ fejn ħafna drabi kienu jinġabru s-sitt protagonisti tas-sensiela.

Tyler kien ħabbar li qed isofri minn kanċer fl-2018 u minn dak iż-żmien beda kampanja sabiex iħeġġeġ lin-nies biex jittestjaw ruħhom ħalli jabdu l-kundizzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Hu kien deher f’150 episodju mis-sensiela li xxandret għall-ewwel darba bejn l-1994 u l-2004 u kisbet popolarita’ ma’ ġenerazzjoni ġdida li segwew ‘Friends’ online permezz ta’ ‘streaming’.