Aktar ma jgħaddi ż-żmien, qed isir dejjem aktar importanti li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna titjieb, partikolarment bis-sehem ta’ persuni li jaħdmu barra minn xtutna bħala parti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici matul konferenza tal-aħbarijiet dwar l-allokazzjoni finanzjarja fil-Budget tas-sena d-dieħla għal dan is-settur.
Hu qal li pajjiżna għandu jkun preżenti f’pajjiżi oħrajn, fosthom fi Brasilia, fl-Amerka ta’ Isfel, u fl-Etjopja, kif ukoll Kummissjoni Għolja fil-Kanada. Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jħoss li aktar Ambaxxaturi għandhom jintagħżlu minn fost il-Korp Diplomatiku biex dawk li jirrappreżentaw lil pajjiżna jkollhom l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet meħtieġa.
Carm Mifsud Bonnici rringrazzja lid-Diplomatiċi li matul il-pandemija komplew iservu lil pajjiżna, minkejja l-isfidi li d-dinja kollha ffaċċjat.
Filwaqt li tenna l-importanza li l-pajjiż isaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Afrikana, hu esprima s-sodisfazzjon tal-Partit Nazzjonalista li llum iż-żewġ naħat tal-isfera politika f’pajjiżna jaqblu dwar l-importanza li pajjiżna jkun parti sħiħa mill-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Fondi u l-Programmi Ewropej Kevin Cutajar qal li l-Partit jibqa’ dak li għandu l-kredenzjali veri Ewropej. Hu għalhekk, tenna, li pajjiżna għandu bżonn Gvern li jkun kapaċi jagħraf u juża’ sew il-fondi li setgħu jkunu possibbli biss grazzi għas-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.
Kevin Cutajar fakkar kif kien biss grazzi għall-Partit Nazzjonalista li llum pajjiżna għandu l-opportunità li jgawdi minn biljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej.
Hu staqsa kif jista’ l-Gvern jindirizza l-isfidi kbar tal-pajjiż bil-Fondi Nazzjonali biss, ladarba qed jagħżel li jibqa’ vag dwar kif se jonfoq il-flus tal-UE. U dan meta, minn żmien għal żmien qed nisimgħu li mijiet ta’ eluf ta’ ewro qed jintilfu minħabba l-ineffiċjenza tal-Gvern.
//= $special ?>