Inqas ħin fit-traffiku. Inqas spejjeż ta’ fuel. Inqas tniġġiż fl-arja.
Din kienet il-wegħda tal-Gvern Laburista… wegħda li rajna miktuba ma’ kull żewġ passi fit-toroq li kienu qed jinbnew fl-aħħar snin.
Iżda r-realtà li jiffaċċjaw ta’ kuljum is-sewwieqa f’pajjiżna hija waħda totalment differenti – kif jixhdu dawn il-filmati migbuda kmieni it-Tnejn filghodu mill-cameras ta’ Net News.
Dorna madwar l-arterji prinċipali ta’ pajjiżna – dawk li ħafna minnha ikolna ngħaddu minnhom biex imorru x-xogħol jew biex naghmlu l-qadi tagħna.
Dawra b’veloċità li qajla kienet taqbeż l-20 jew it-30 kilometru fis-siegħa fil-biċċa l-kbira tal-ħin.
Fl-aħħar snin rajna l-ftuħ ta’ toroq ġodda u x-xogħlijiet tat-twessigħ ta’ oħrajn… b’inawgurazzjonijiet bombastiċi mill-Ministru Ian Borg, kultant għal waħda tnejn.
Madankollu minn dak li rajna u li ffilmjajna… jidher li dan kollu ftit li xejn wassal biex is-sewwieqa Maltin jaħlu inqas ħin fit-traffiku, jaħlu inqas fuel, jew iniġżu inqas l-arja.
Jidher ukoll li l-bidla meġtieġa fil-kultura tal-Maltin li tista’ twassalhom biex jagħżlu t-trasport pubbliku fuq il-vettura privata tagħhom għada ‘l bogħod ferm.
Dan ħareġ minn stħarriġ li għamel it-Times online li juri li kważi 70% tal-Maltin mhux lesti jħallu l-karozza wara l-bieb jiex jużaw tal-linja meta tkun bla ħlas.
It-traffiku huwa fenomenu ta’ pajjiżna… li jidher li se jibqa’ magħna għal ħafna snin… jekk ma jkunx hemm deċiżjonijiet verament effettivi biex jiġi indirizzat b’mod serju u mhux b’mod kożmetiku.