Ambjent Lokali Transport

“It-tniġġis tal-arja jilħaq livelli xokkanti fil-Port il-Kbir” – Xjenzat Daniż jippreżenta riżultati

It-tniġġis tal-arja laħaq livelli xokkati fil-Port il-Kbir – u hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata minn BirdLife Malta flimkien ma’ Green Transition – konferenza li saret fl-uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, fejn Kare Press-Kristensen, xjentist Daniż li jagħmel parti minn proġett iffinanzjat mill-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea ħa kejl tal-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-Isla u l-Belt Valletta.

Dan il-kejl wera konċentrazzjoni ta’ tniġġis li jlaħħaq mal-200 darba ogħla mill-livelli tal-arja li wieħed normalment jistenna f’postijiet li mhux esposti għal sorsi ta’ tniġġis fl-arja.

Dawn il-partiċelli fini fl-arja jgħolew għal dawn il-livelli allamanti meta fil-Port il-Kbir ikun hemm vapuri; kemm żgħar kif ukoll cruiseliners.

Press-Kristensen saħaq li dawn il-partiċelli jagħmlu ħsara kbira lil saħħett il-bniedem u li qed iwasslu għal mard serju qalb il-Maltin…fosthom mard tal-kanċer, respiratorju u tal-qalb.

Huwa stqarr li filwaqt li fil-Gżejjer Maltin għandna arja nadifa, l-aħbar ħażina hi li l-vapuri qed iniġġsu l-inħawi li jkunu fihom…. filwaqt li l-cruiseliners kapaċi qed iniġġsu bliet sħaħ.

Intqal kif bejn l-2020 u l-2021 tilfu ħajjithom 500 persuna kawża tat-tniġġis fl-arja…aktar minn kemm ħatfet ħajjiet il-pandemija tal-Covid-19 f’Malta. Għaldaqstant, Kare Press-Kristensen insista li it-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja mhux biss huwa importanti għal saħħitna iżda ċertament se jkun ta’ benefiċċju ankè ekonomikament.

Fost is-soluzzjonijiet huwa semma’ kif flimkien mal-pajjiżi tal-Mediterran għandu jintlaħaq qbil sabiex fl-ibħra tagħna jkollna Emission Control Area – jiġifieri jintuża fjuwil aktar nadif.

Press-Kristensen qal li soluzzjoni alternattiva hi li l-vapuri jingħataw provvista tal-elettriku minn fuq l-art waqt li jkunu marbutin mal-moll sabiex ma jħallux il-magni mixgħulin. Dan filwaqt li x-xjenzat Daniż insista dwar l-importanza li l-ferries f’Malta u Għawdex jkunu tal-elettriku.

BirdLife Malta spjegat li tul dawn l-aħħar xhur insistiet dwar l-importanza li tinħoloq ECA fil-Mediterran sabiex naslu għal tnaqqis drastiku fit-tniġġis għal ġid ta’ saħħitna u saħħet uliedna.