Lokali Parlament

Konrad Mizzi jgħid li “disponibbli”…iżda l-ġimgħa d-dieħla!

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi qed jibqa’ jaħrab mill-iskrutinju tal-PAC. Dan hekk kif kmieni dalgħodu ħabbar li hu “disponibbli” li jattenti quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi – iżda mit-3 ta’ Novembru ‘l quddiem.

Fi kliem sempliċi, id-deputat stilla tal-Labour se jkun qed jaħli ġimgħa u nofs oħra biex jevita milli jwieġeb id-domandi dwar il-kuntratt skandaluż tal-Electrogas illi ġie kundannat mill-Awditur Ġenerali.

F’post fuq Facebook, Konrad Mizzi kiteb li hu u l-avukati tiegħu “disponibbli jattendu għal-laqgħa tal-PAC mill-Erbgħa 3 ta’ Novembru ‘l quddiem”.

L-istess tattika tal-Facebook intużat anke l-ġimgħa li għaddiet, meta l-eks Deputat Mexxej Laburista qal li ma kienx se jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Dakinhar kien qal li ma jistax jitla’ jixhed għax l-avukat tiegħu – skont hu – ma kienx disponibbli.

Fl-istess ġimgħa fil-PAC kien intlaħaq qbil biex Konrad Mizzi jiġi imsejjaħ jixhed għada fis-2pm; xi ħaġa li b’din l-aħħar mossa tiegħu mhux se tiġri, għallinqas għalissa.

It-tliet membri tal-PN fil-PAC – Beppe Fenech Adami, Karol Aqulina u Ryan Callus – qed jinsistu li minn naħa tagħhom se jibqgħu jaħdmu biex toħroġ il-verità dwar dan id-deal skandaluz tal-power station il-ġdida. Dan filwaqt li d-deputati Laburisti bl-aġir tagħhom qed jibqgħu jgħattu għal Konrad Mizzi.