Lokali Parlament

L-anzjani jistennew u l-Gvern iberbaq fejn m’hemmx bżonn

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonlista Maria Deguara sostniet il-parlament li l-Gvern qed iħalli lill-anzjani jistennew għal diversi miżuri urġenti iżda qed iberbaq fejn m’hemmx bżonn.

Maria Deguara qalet li fejn jidħlu l-anzjani dan il-baġit żgur ma jistħoqlux jissejjaħ baġit għal futur. Veru li ġew imħabbra żidied fil-pensjonijiet; għal ħafna dawn iż-żidied qabel elezzjoni huma konferma li l-pensjonijiet preżenti kienu baxxi u ma kienux jippermettu li l-anzjani jgħixu ħajja tajba.

Il-Gvern ma ndirizzax b’mod xieraq u konvinċenti l-isfidi li l-anzjani se jħabbtu wiċċhom fil-ġejjin qarib. Il-gvern ħabbar ukoll li l-pensjonanti kollha se jibdew jirċevu €3.25c oħra fil-ġimgħa biex iż-żieda kollha titla’ għal €5 fil-ġimgħa.

Miżura f’waqtha ukoll hi li dawk id-29,000 pensjonant b’pensjoni u dħul anqas min €14,318 se jirċevu benfiċċju addizzjonali ta’ bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa.

Din iż-żieda turi biċ-ċar kemm dawk bi dħul baxx ilhom snin ma jistgħux jgħixu ħajja ta’ kwalità. Din iż-żieda hija biss waħda kożmetika.

Maria Deguara qalet li matul l-aħħar 12-il xahar il-ħajja għoliet bi’€2.26c fil-ġimgħa. Għalhekk iż-żieda vera fil-pensjoni ma tibqax ta’ €5 imma waħda ta’ €2.74c.

Il-parti l-kbira ta’ dak kollu li nimportaw fosthom affarijiet bażiċi għall-ħajja, ta’ kuljum jogħlew u mistennija jibqgħu jogħlew bil-kbir minn Jannar li ġej.

Il-gvern baqa’ jippersisti u kompla juża formola li kulħadd jaf li ma tirriflettix ir-realtà tal-għoli tal-ħajja. In-numru ta’ anzjani dejjem qed jikber u kull ma jmur se jkollhom bżonn kura u għajnuna matul ix-xjuħija kif ukoll bżonn ta’ kura terzjarja u anke kura intensiva. L-anzjani bi dritt jistennew li soċjetà minn issa taħseb u tipprepara dawk l-istrutturi u servizzi li ħa jkollhom bżonn u trawwem dawk il-ħaddiema, infermiera u professjonisti

Minkejja baġit li suppost jippreparana għal futur sfortunatament ma smajna lanqas b’inizjattiva jew miżura waħda li tippreparana għal dak li ser ikollna bżonn qabel ma jiġi fuqna.

Fejn tidħol l-kura tal-anzjani qed ikollna niddependu bil-kbir fuq il-barranin għal servizzi li faċilment nistgħu nipprovdu aħna stess jekk inħajru aktar żgħażagħ lejn dan is-settur.

Ma smajna lanqas b’miżura waħda biex tħajjar żgħażagħ Maltin jidħlu għall-caring imma f’dan il-badġit lanqas ma rajna miżura waħda ta’ apprezzament lejn dawk li ħarġu għonqhom u rriskjaw ħajjithom u dik tal-għeżież tagħhom, biex jipproteġġuna u jħarsuna fil-mument ta’ ħtieġa.

Il-gvern gġandu jaddotta l-proposta li l-PN ippropona li bħala inċentiv qed jimpenja ruħu li jagħti żieda ta’ 25% tal-istipendji lil dawk l-istudenti li jażlu li jidħlu għal korsijiet li pajjiżna għandu bżonn l-aktar.

Il-KNA saħqet li dan il-kunċett mhux qed jingħata la l-importanza u lanqas l-attenzjoni li jixraqlu.

Sal-lum pensjoni ta’ anqas minn €14,058 mhix taxxabbli. Din is-somma issa se tiżdied b’€260 fis-sena. Dan ifisser li pensjoni sa €14,318 ma tibqax aktar taxxabbli. Barra dan koppji se jibbenifikaw għat-tieni sena konsekuttiva minn żieda mhux taxxabbli ta’ €3,600 oħra. Kull minn għandu pensjoni ta’ €14,318 u jagħżel li jibqa’ jaħdem ikollu jibda jħallas it-taxxa jekk jaqla’ ‘l fuq minn €300 fix-xahar.

Hu ċar li l-gvern għandu flus xi jberbaq fuq servizzi li bħala poplu ma aħna nieħdu xejn lura, ħa jħalli ħames snin oħra biex jintroduċi inizjattiva biex jinkoraġġi l-anzjani jibqgħu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-irtirar meta din hija proposta tajba, ilha mistennija u ilha tintalab għal numru ta’ snin.

F’dan il-baġit il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li mediċini għat-trattament tal-osteoporosi, ċertu mediċini psikjatriċi u xi oħrajn għal fibromyalgia se jibdew jingħataw mingħajr ħlas mil-Gvern. Din hi eżatt l-istess wegħda li tħabbret fil-baġit tas-sena u li dwarha ma smajna xejn aktar sal-ġurnata tal-lum.

Riżultat tal-pandemija, s-servizzi fl-isptarijiet u ċ-Ċentri tas-Saħħa marru lura b’riżultat li l-listi ta’ stennija speċjalment għal operazzjonijiet kompliet tikber. L-għar li marru huma dawk l-anzjani li jsofru minn mard deġenerattiv.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-għaqdiet kollha li jirrappreżentaw l-anzjani lkoll jaqblu li post l-anzjani sa fejn hu umanament possibbli hu li għandu jibqa’ fil-komunità. Mhux biss jaqblu imma fasslu road map li għanda tiġi attwata gradwalment sas-sena 2030.

Tħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla ż-żieda tal-benefiċċju għall-carers fid-djar żdiedet b’€1,000 fis-sena. B’din iż-żieda ġdida fil-benefiċċju se jkopri kważi nofs il-paga minima li tirċievi carer. Din xorta tfisser li l-anzjan se jkollu jibda jwarrab parti kbira tal-pensjoni tiegħu biex jipprovdi d-differenza fil-paga.

Tfisser ukoll li din se tkompli tnaqqar bil-kbir miż-żieda li l-anzjan se jirċievi fil-baġit ta’ din is-sena. Tfisser ukoll li qed tinħoloq diskriminazzjoni bejn l-anzjani; bejn dawk li jistgħu jħallsu u dawk li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji, bil-periklu reali li din il-miżura tista’ twassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja li mdorrijin biha.

Mhux l-anzjani kollha huma finanzjarjament komdi biex jidħlu għal din l-ispiża. Infatti minn madwar 120,000 anzjan, se jkunu biss madwar 750 minnhom jew aħjar 0.6% tal-anzjani, li se jibbenifikaw minn din il-miżura.

Jibqa’ d-dover tal-Istat li jipprovdi dawk is-servizzi meħtieġa kollha li jippermettu l-anzjan l-għażla li jibqa’ jgħix fil-komunità fejn trabba, mdawwar bl-għeżież tiegħu u ħbiebu.

Maria Deguara staqsiet jekk il-ministru jikkonfermax u li fil-preżent hawn skarzezza kbira ta’ carers, tant li dawk kollha li qed jagħmlu talba għall-home help qed ikollhom jistennew xhur sħaħ qabel ma dan is-servizz jingħatalhom.

Forsi jikkonferma ukoll jekk hux minnu li l-kuntratturi li jipprovdu dan is-servizz m’humiex qiegħdin isibu nies lesti jipprovduh. Huwa minnu li numru sostanzjali ta’ home help carers barranin ħallew xtutna matul l-aħħar xhur għaliex sabu kundizzjonijiet ta’ imjieg aħjar jew għax marru għal xogħol ieħor sew minħabba l-prekarjat u sew minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena fuq il-post tax-xogħol.

Il-gvern għadu jaċċetta kundizjonijiet tax-xogħol u ħlas differenti bejn dawk li jipprovdu l-istess servizz lil-gvern u dawk li jipprovduh permezz tal-kuntrattur Il-gvern ħasel idejh min din is-sitwazzjoni għaliex fil-każ tal-home help of your choice minflok €5.50 fis-siegħa se jibda jħallashom biss €7.00 fis-siegħa. Jiġifieri qed jgħaddi fuq l-anzjani nfushom r-responsabilità li jsibu home help.

Din il-miżura mhux se tkun suċċess għax fil-privat ir-rata li l-helpers fil-komunità jitħallsu hi ta’ madwar €10 fis-siegħa. Jekk l-anzjan joħroġ id-differenza se titnaqqarlu aktar il-pensjoni. Jinħtieġ li niżguraw li f’kull residenza jkun hemm rappreżentanza xierqa tal-anzjani biex, kull fejn jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtuhom mil-qrib, l-anzjani ikun direttament involuti u jsemmgħu leħinhom.

Bħala partit ilna ninsistu li biex titnaqqas l-inkonvenjenza u t-tbatijja lil-anzjani u lil-familjari tagħhom numru ta’ servizzi tal-kura għandhom sa fejn possibbli jingħataw fil-post fejn joqogħdu.

Din is-sena ma ssemma’ xejn sostanzjali dwar il-modernizzar tal-residenzi tal-gvern fil-komunità meta skond il-Ministru stess dawn kollha għandhom bżonn modernzizar radikali.

L-Oppożizjoni ila snin tisħaq f’dan il-parlament li kunċett important u fondamentali f’active aging hu l-intergenerational relationship. Jekk verament il-gvern jemmen f’anzjanità attiva l-baġit kellu jiprovdi għal aktar Day u Night Shelters biex iħajjar iżjed anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Wegħda waħedha ta’ sptar ġdid għal mard mentali li saret fil-baġit tas-sena l-oħra u ta’ din is-sena u sal-lum għada fuq l-ixkaffa, mhijiex is-soluzzjoni li l-poplu kien qed jistenna.