Futbol Sport

Man Utd javviċinaw lil Antonio Conte

Rapport fl-Italja qed jindikaw li Man Utd għamlu kuntatt mal-eks kowċ ta’ Inter u Chelsea Antonio Conte. Jidher li bħalissa għaddejin diskussjonijiet interni fil-club ta’ Man Utd dwar il-posizzjoni ta’ Ole Gunnar Solskjaer bħala kowċ tal-club, wara t-telfa umiljanti li sofrew lbieraħ kontra Liverpool, f’Old Trafford.

Mir-rapporti jidher li Conte lest li jaċċetta li jieħu f’idejh it-tmexxija tal-club, għalkemm d-deċiżjoni mill-bord ta’ Man Utd dwar Solskjaer, għadha ma ttieħditx. Antonio Conte jinsab mingħajr club wara li fi tmiem l-istaġun li għadda, ħalla lill-Inter minħabba diżgwid mal-President tal-club. Hu kien strumentali biex wassal lit-tim għall-ewwel Scudetto wara ħdax-il sena.

Min-naħa l-oħra Man Utd jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika b’14-il punt, fejn ilhom erba’ partiti mingħajr rebħa fil-Premier League, fejn fl-aħħar żewġ konfronti sofrew disa’ gowls.