Lokali Qorti

Mhux ħati li hedded lill-ġenituri tiegħu b’arma tan-nar

Raġel ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żabbar ma nstabx ħati li f’Marzu li għadda hedded lill-ġenituri tiegħu b’arma tan-nar wara li kellu xi jgħid ma’ missieru. Dan peress li l-ebda prova ma nġabet fil-Qorti li fil-ħin li mar Surġent tal-Pulizija fuq il-post ma kien hemm l-arma f’idejn l-akkużat.

Kersten Vella ma nstabx ħati quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li t-28 ta’ Marzu 2021 ġewwa Ħaż-Żabbar wettaq reat kontra l-ġenituri tiegħu meta kellu fuqu arma tan-nar, u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-liżenzja tal-arma. Lanqas ma nstab ħati li nsulenta, hedded jew inġurja bi kliem jew b’mod iehor lil ġenituri tiegħu. Il-ġenituri ddeċidew li ma jixhdux kontra binhom fil-qorti.

L-Ispettur Audrey Micallef spjegat fil-qorti li fit-23 ta’ Marzu 2021, omm l-imputat ċemplet lill-pulizija minħabba nċident li kien seħħ fir-residenza tagħha. Kien inqala argument bejn l-imputat u missieru u f’xi hin l-imputat kellu anke arma tan-nar f’idu u ried jmur għal missieru biha.

Il-pulizija tad-distrett marru fuq il-post fejn l-imputat ġie arrestat u l-arma ġiet elevata. Jidher li Vella kien sabbat bieb, sar xi diskors bejn l-imputat u missieru, inkluż kliem offensiv minn naħa tal-imputat, li mbagħad tela’ fis-sular fuq filwaqt li l-missier ħareġ barra.

Waqt li l-imputat kien qiegħed fuq, beda jsabbat u reġa’ niżel b’arma f’idejh u staqsa għal missieru. L-omm ghalhekk qagħdet mal-bieb ta’ barra biex binha ma jirnexxielux joħroġ, Hija bdiet tgħid lil binha biex jippakja u jitlaq mid-dar biex jiġi evitat inkwiet. L-Ispettur kompliet tispjega li l-arma li ġiet elevata kienet ta’ l-għamla Glock 35 b’żewġ magazines wieħed vojt u l-ieħor bi 15- il round .  

Is-Surġent Elton Bondin mar fuq il-post ta’ l-incident wara li sar r-rapport. Huwa spjega li sab lil missieru barra d-dar fil-waqt li ommu kienet ġewwa fejn kien hemm ukoll l-imputat. L-omm qalet lix-xhud li l-imputat kien ħareġ arma tan-nar u ħareġ għal missieru. Il-ġenituri tal-imputat intbagħtu l-għassa ta’ Bormla filwaqt li l-imputat ittieħed l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar.

Ftit wara x-xhud akkompanja lill-imputat fir-residenza tiegħu u inġabret l-arma minn ‘safe’ fil-gwardarobba fil-kamra tas-sodda tiegħu. Is-Surġent ikkonferma li l-arma inġabret mhux ma’ l-ewwel intervent tal-pulizija imma wara li l-partijiet konċernati kienu ttieħdu l-għassa tal-pulizija. Huwa ikkonferma li l-arma kienet ġo safe u li ma kienx hemm bżonn li ssir tfixxija għaliex l-imputat tah l-arma mill-ewwel minn jeddu.

Il-Qorti qalet li s-Surġent Charlene Calleja fix-xhieda tagħha naqset li tghid x’qal l-imputat meta kienet qed tiehu l-verżjoni tiegħu u fix-xhieda tiegħu is-Surġent Bondin qal li l-imputat ammetta li għamel xi inġurji fil-konfront tal-ġenituri tiegħu.

Madankollu ma jistax jiġi stabbilit f’fliema stadju ta’ l-incident saru dawn ”l-inġurji.’ Minn dak li qal is-Surġent lanqas ma jista’ jiġi definittivament stabbilit jekk dak li ammetta għalih l-imputat kien fil-fatt jaqa’ fid-definizzjoni legali ta’ ”inġurji”. Biex dan seta’ jiġi stabbilit ix-xhud kellu jirrepeti il-kliem jew atti ammessi mill-imputat.

Imbagħad kien jispetta lill-Qorti biex tistabbilixxi jekk dan jaqa’ fil-parametri tar-reati. Illi aktar minn hekk u dwar l-arma tan-nar, dak li jirriżulta mill-provi proċesswali huwa li l-imputat kellu arma tan-nar fis-safe fil-gwardarobba fil-kamra tas-sodda tiegħu.

Mill-pulizija li xehedu wieħed biss kien mar fuq il-post ta’ l-incident, Elton Bondin. Fix-xhieda tiegħu hu ma jgħidx li meta marru fuq il-post l-imputat kellu arma f’idejh, jirrakkonta biss dak li qalet omm l-imputat. Aktar minn hekk f’l-ebda parti tax-xhieda tiegħu ma jgħid li ra xi arma meta daħlu fid-dar, kemm f’idejn l-imputat jew x’imkien iehor. Jidher li seta’ ra l-arma meta eventwalment akkompanja lill-imputat id-dar propju biex tiġi elevata din l-arma. Għalhekk ma teżisti l-ebda prova.

Il-Qorti qalet li l-unika persuna li seta’ jitfa dawl fuq dan il-fatt kien is-Surġent Elton Bondin; dan għaliex huwa kien l-unika uffiċjal tal-pulizija li daħal fi-residenza ta’ l-imputat u li huwa mar fir-residenza darbtejn: l-ewwel  meta biex jirrispondu ghar-rapport li kien sar u t-tieni darba meta mar ma’l-imputat propju biex tigi elevata l-arma.

L-ewwel darba l-pulizija kienet aktar impenjata biex tassigura li l-inċident li kien gie rappurtat lilha ma jeskalax u biex jieħdu lill-partijiet konċernati l-għassa biex tkun tista’ tissokta l-investigazzjoni; dak il-hin l-arma ma kinitx f’idejn l-imputat u ma jirriżultax li l-pulizija raw l-arma.

Mid-depozizzjoni tas-surġent jirriżulta li hu ma għamilx tfixxija fir-residenza ta’ l-imputat biex isib l-arma imma kien l-imputat li ”ġablu” l-arma u l-munizzjon u qal li l-arma kienet fis-safe. Żied jgħid ukoll li m’għamilx tfittxija u dan għaliex ma kienx hemm bżonn għax l-imputat tah l-arma mill-ewwel minn jeddu.  

F’l-ebda hin ma jispeċifika jekk meta l-imputat tah l-arma diġa kienet fil-‘carrying case’ flimkien mal-munizzjoni, jew jekk tpoġġewx fil-‘carrying case’ fil-prezenza tieghu. Għal dawn il-motivi l-Qorti, ma sabitx lil Kersten Vella ħati u lliberatu.