Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandu jieqaf qatt milli jinvesti fir-riżorsi umani filwaqt li jiggarantixxi l-aqwa u l-aħjar kura u servizzi

  • Stephen Spiteri, Deputat Nazzjonalista

Stephen Spiteri, Deputat Nazzjonalista, beda biex sellem lil dawk kollha li jservu fil-qasam tas-Saħħa u fakkar li s-Saħħa hi settur ferm importanti u għalhekk fil-politika trid tingħata l-akbar prijorità possibbli biex ikun iggarantit dejjem li min jiġi bżonn xi servizz jingħata dejjem l-aqwa u l-aħjar kura u attenzjoni.

Filwaqt li ħeġġeġ li s-servizzi tas-Saħħa jibqgħu jingħataw lil kulħadd b’xejn, b’mod partikulari għall-vulnerabbli u l-batuti, qal li hu importanti li kulmin ikollu bżonn xi servizzi ta’ Saħħa fl-Isptarijiet tal-Gvern isibu l-aqwa servizzi. Il-kura primarja u l-kura sekondarja għandha tkompli tingħata bl-aqwa mod possibbli b’tali mod li kulħadd ikollu rasu mistrieħa li kemm-il darba se jiġi bżonn xi servizz, allura se jsib dak kollu li jkollu bżonn għall-kura tiegħu.

Filwaqt li qal li pajjiżna jrid ikun lest biex jiffaċċja sfidi ġodda fil-qasam tas-Saħħa, fosthom il-kura fil-konfront tad-dimensja, il-mard mentali, ix-xjuħija u mard ġdid tal-kanċer, qal li dan hu settur fejn kulħadd għandu jaħdem biex is-Saħħa tkompli tissaħħaħ.

Faħħar iż-żieda ta’ mediċini li l-Gvern qed iżid għal kuri differenti u qal li dak li hu tajjeb, tajjeb li jkun imfaħħar għaliex is-Saħħa qatt m’għandha tkun xi ballun politiku u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’għadd ġmielu ta’ proposti li wħud minnhom qed jadottahom ukoll il-Gvern f’dan il-Baġit.

Fakkar ukoll li ċerti mediċini huma għaljin wisq u dak li jkun mhux bilfors li jkun f’pożizzjoni li jixtri minn butu dawn il-mediċini u għalhekk hu tajjeb li l-Gvern joffri dawn il-mediċini b’xejn fosthom għal dak li jirrigwarda l-IVF u għall-anzjani ta’ aktar minn tmenin sena. Dawn huma setturi ta’ nies li diġà jkollhom spejjeż kbar fix-xiri tal-mediċini u biex jingħataw ċerti servizzi u għalhekk il-Gvern għandu jagħti kas ta’ dawn in-nies u l-bżonnijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jissuġġerixxi li l-anzjani tagħna jingħatalhom ukoll il-ħlasijiet li huma jagħmlu lit-Tabib privat tagħhom. Hekk barra l-ħlas tal-mediċini, il-ħlas ikun ikopri wkoll il-miżata tat-Tabib privat tagħhom. Hu fakkar li ħafna mil-anzjani jinsabu f’sitwazzjoni fejn minħabba l-għoli tal-ħajja ma jistgħux jgħixu b’dinjità u kif jixtiequ.

Tkellem dwar is-sitwazzjoni ta’ tlett sptarijiet tal-Gvern li minn wara dahar kulħadd spiċċaw inbiegħu lill-privat. Pajjiżna għandu bżonn ta’ aktar sptarijiet u wieħed irid jifhem li l-Isptar Mater Dei ma jistax ilaħħaq mad-domanda li hawn fil-pajjiż.

Hu qal li għaliex il-Gvern se jkun qed jagħti żieda ta’ €20 miljun lil din il-kumpanija privata biex tissokta tmexxi dawn l-Isptarijiet tal-poplu u meta l-istess Awditur Ġenerali wissa’ dwar dak li qed jiġri f’pajjiżna. Il-Gvern hu fid-dover li jikkoreġi dak li qed jiġri u jirritorna dawn l-Isptarijiet lill-poplu. Għaliex ma humiex biss il-pazjenti li qed ibatu, iżda wkoll l-istess ħaddiema li qed iservu fihom fejn il-kundizzjonijiet tagħhom ma humiex l-istess bħal dawk il-ħaddiema li jservu fl-Isptarijiet tal-Gvern.

X’inhi t-tweġiba tal-Gvern għall-fatt li f’Għawdex kellu jinbena sptar ġdid b’500 sodda iżda minn dan kollu ma ġara xejn? Għaliex it-traġitt tal-pazjenti bejn Għawdex u Malta mhux wieħed ta’ serħan il-moħħ tant li minkejja l-flus li qed tingħata din il-kumpanija barranija, spiss il-ħelikopter-ambulanza ma jkunx fi stat li jaħdem b’effiċjenza.

Stephen Spiteri qal li hemm bżonn ta’ titjib fl-Outpatients u filwaqt li sellem lill-ħaddiema kollha qal li ma jistax ikun li dawn il-ħaddiema jibqgħu jerfgħu waħidhom il-volum kbir ta’ xogħol li hemm, apparti mill-fatt li anki fir-rigward tal-waiting time jrid isir impenn biex dan jitnaqqas kemm jista’ jkun. U hawnhekk wieħed jiltaqa’ spiss ma’ pazjenti li qegħdin ibatu.

Tkellem dwar l-appuntamenti għall-kirurġija u qal li d-domanda ma hix tintlaħaq b’tali mod li l-listi qed ikomplu jintefgħu lura. F’dan ir-rigward tajjeb li jsir investiment mal-privat u jsir dak li hu magħruf bħala l-PPP biex ċerti interventi jitħaffew u l-pazjenti ma jitħallewx jistennew ix-xhur.

Dwar l-Emerġenza f’Mater Dei qal li s-sitwazzjoni hi inaċċettabbli. Ma jistax ikun li ċerti pazjenti ġenwini jitħallew is-sigħat jistennew. Hu ħażin li l-Emerġenza tkun imballata bin-nies, fosthom b’pazjenti li jkunu qed isofru minn ċerti kundizzjonijiet. Għandhom ikunu edukati dawk il-pazjenti li ma jkunx messhom irrikorrew għall-Emerġenza biex l-Emerġenza jmorru biss il-pazjenti li tassew ikollhom bżonn.

Tkellem dwar ir-riżorsi umani u qal li l-Gvern għandu jagħmel investiment f’dawk kollha li jservu fil-qasam tas-Saħħa, fosthom fit-Tobba, fl-Infermieri, fil-Paramediċi…

Dwar is-Saħħa Sesswali qal li hu xi drabi jsejjaħ dan is-settur bħala l-epidemija s-siekta għaliex bosta huma dawk li qed jieħdu ċerti infezzjonijiet li b’aktar prekawzjonijiet dan il-mard ma jibqax ikun trasmess. Dan hu settur fejn hemm bżonn ta’ aktar infestiment u ta’ aktar edukazzjoni biex dak li jkun jippreveni u jitbiegħed mill-perikli.

Il-Gvern għandu jirrevedi l-politika tiegħu dwar is-Saħħa Sesswali ħalli din ma tibqax tkun kunsidrata aktar bħala xi tabu. L-investiment f’dan is-settur għandu jikber u jkun aktar effettiv anki biex dan il-mard jinqabad sa minn ferm aktar qabel.

Tkellem dwar il-kura tal-kanċer u qal li l-Gvern għandu jara li tintemm darba għal dejjem li jinqatgħu l-pazjenti li jmorru jokorbu quddiem il-Malta Community Chest Fund għas-sempliċi raġuni li ma jkunux jistgħu jixtru l-mediċini li jkollhom bżonn. Dan hu settur fejn fadal ħafna xi jsir għaliex qed jirriżulta li ċerti kundizjonijiet qed ikunu kkurati b’metodi li għadda żmienhom meta f’pajjiżi oħrajn għall-istess kundizzjonijiet qed jingħataw kuri aktar avvanzati u differenti.

Dwar id-dentistrija, Stephen Spiteri enfasizza li għandu jkun hemm qabża ta’ kwalità mhux biss fil-kura li tingħata imma anki fil-prevenzjoni. Hu qal li ħadd m’għandu jsib il-bieb magħluqa għas-sempliċi raġuni li f’dan is-settur diġà hemm ħafna li qegħdin jistennew xi servizz.

Hu temm jappella lill-Gvern biex jirranġa l-kwistjoni ‘Stewart’ u qal li pajjiżna għandu bżonn sptarijiet tal-ogħla livell.